Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President ħabbar il-ħatra ta’ tliet imħallfin ġodda. Dawn se jkunu l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Dr Henri Mizzi u Dr Mark Simiana.
F’din l-istqarrija ntqal li l-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura rċieva u għarbel sbatax-il espressjoni ta’ interess. Dan wara li ħarġet sejħa mill-Ministeru għall-Ġustizzja biex jinħatru tliet imħallfin fil-Qrati.
Intqal li l-Erbgħa, is-Segretarju ta’ dan il-kumitat ippreżenta rapport dettaljat dwar il-kandidati li ġew irrakkomandati bħala persuni idonei għall-kariga.
Il-President Vella mexa fuq il-fehma b’saħħitha tal-kumitat u ħabbar li se jaħtar lil dawn it-tliet persuni biex jingħaqdu mal-ġudikatura fir-rwol ta’ mħalfin.
Fl-istqarrija, il-President feraħ lill-ġudikanti l-ġodda.
Sadanittant, fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, tenna li l-Gvern hu kommess li jibqa’ jsaħħaħ il-ġudikatura fejn pajjiżna jibqa’ jkollu l-akbar ammont ta’ membri li jservu fil-qrati ta’ pajjiżna lejn ġustizzja effiċjenti.