L-industrija tas-semikondutturi f’pajjiżna tħaddem erbat elef persuna jew mat-18 fil-mija tal-impjiegi fl-industrija tal-manifattura, li tipproduċi madwar 30 fil-mija tal-esportazzjoni li ssir minn Malta kull sena.
Din l-informazzjoni tħabbret waqt l-ewwel konferenza organizzata fostna dwar l-irwol ċentrali u l-importanza tal-industrija tas-semikondutturi f’pajjiżna, fejn ukoll ġie approvat proġett għall-ħolqien ta’ ċentru ta’ kompetenza b’investiment ta’ tmin miljun ewro.
Matul din il-konferenza ġie spjegat li t-teknoloġija tas-semikondutturi hi waħda min-niċeċ ekonomiċi ġodda bi żviluppi kbar, fosthom il-ftehim bejn il-Malta Enterprise u l-IMEC, immirat li jsaħħaħ ir-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji tas-semikondutturi f’Malta, filwaqt li tinċentiva l-industrija b’mod partikolari fejn jidħlu start-ups fl-oqsma tad-disinn taċ-ċipep.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, George Gregory, li spjega kif l-entità li jmexxi timxi id f’id ma’ din l-industrija biex tara li l-ħaddiem Malti dejjem jgħolli l-livell tiegħu.
“Hu ta’ suċċess din il-konferenza fejn għandha ’l fuq minn mitt delegat li ġejjin mill-erbat irkejjen tad-dinja, li huma kollha esperti f’dan il-qasam, u naħseb għandu joħroġ ħafna frott minn din il-konferenza biex isaħħaħ anke l-kompetenza li aħna nixtiequ nikkreaw u nikkreaw ekosistema li hi addatata għal din l-industrija li hi tant importanti għal dan il-pajjiż.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, George Gregory
Sadanittant, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, tenna li Malta għandha l-akbar backend operation fl-Ewropa kollha u l-ikbar investiment dirett barrani fl-istorja u dan il-Gvern irid ikompli jibni fuqu.
“Biex inkomplu nsaħħu dan, irridu naraw li nsaħħu s-skills. Waħda mill-ikbar sfidi ta’ pajjiżna biex nelevaw ’il quddiem fejn jidħol il-high value added mhuwiex mill-aspett li niġbdu kumpaniji biss, imma jrid ikollna l-iskills f’pajjiżna biex dawk l-opportunitajiet jittieħdu mill-Maltin u jkunu jistgħu jkomplu jikbru. Il-competence centre għandu proprju dak il-għan li nħarġu kemm jista’ jkun iż-żgħażagħ tagħna biex ikollhom l-iskills li f’din l-industrija huma meħtieġa ħafna.”
Il-Ministru Silvio Schembri