Permezz ta’ impjanti mgħammrin bl-aħħar teknoloġija, pajjiżna se jgħaddi minn investiment qawwi fil-qasam tal-immaniġjar tal-iskart.
Dan l-investiment se jinkludi il-bini ta’ impjant li jiġġenera l-enerġija mill-iskart, impjant ġdid għat-trattament ta’ oġġetti li jistgħu jiġu riċiklati, impjant għat-trattament ta’ skart organiku għall-produzzjoni ta’ kompost għall-agirkoltura, kif ukoll impjant ieħor li se jkun qed jieħu post l-inċineratur għal skart kliniku u skart mill-biċċerija.
L-art li se tkun qed tintuża biex isir dan l-investiment se tkun qed titnaqqas b’mod drastiku wara li l-Gvern sema t-tħassib tal-familji li jghixu jew li għandhom art agrikola f’dawk l-inħawi u b’hekk se jkun inqas minn terz tal-medda ta’ art li se tintuża mill-proġett propost oriġinarjament.
Filfatt, dan il-proġett ser isir fuq medda ta’ 82,000 metru kwadru ta’ art, u mhux 279 elf metru kwadru.
B’rabta ma’ dan l-investiment favur l-ambjent fejn fejn l-iskart se jsir riżorsa f’ekonomija ċirkolari, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia saħaq li pajjiżna se jkun f’pożizzjoni li jwaqqaf id-dipendenza tiegħu fuq il-landfilling.
Huwa spjega: “Qed inħabbru l-ikbar investiment illi qatt ra pajjiżna fl-immaniġjar tal-iskart. Dan se nkunu qed nagħmluh b’faċilitajiet state of the art illi permezz tagħhom se nkunu qed inaqqsu l-bżonn illi pajjiżna jkompli jieħu l-art għal-landfill. Se nkunu qed nersqu lejn il-miri ambjentali tagħna kif ukoll il-miri ta’ riċiklaġġ.”
L-impjanti msemmija se jkunu qed jinbnew fiż-żona tal-Magħtab biex l-operat tal-Wasteserv se jiġi ċentralizzat.
Dan ifisser li impjanti u miżbliet oħra se jiddawwru fi spazji miftuħa għall-familji.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Bħala wasteserv se nkunu qed inroddu lura lill-poplu f’green areas, tliet siti illi flimkien imissu mal-mija u tmenin elf metru kwadru li huma l-Qortin Għawdex, Wied Fulija ż-Żurrieq kif ukoll l-impjant ta’ Sant’Antnin.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca spjega kif huwa d-dmir tal-kumpanija li tilħaq l-ambizzjonijiet ambjentali ta’ Malta.
Saħaq li Wasteserv għandha mandat sabiex tmexxi x-xogħlijiet relatati ma’ dan l-investiment, inkluż studji ambjentali biex din il-viżjoni ambizzjuża tiġi implimentata.
Is-Sur Bilocca spjega: “Il-proċess miexi ġmielu. Ħa nibdew bil-procurement fil-ġimgħat li ġejjin, ħa jsiru l-istudji kollha neċċessarji biex b’hekk il-pajjiż ikollu infrastruttura fejn jidħol l-immaniġjar tal-iskart illi tħares lejn il-futur u li tbegħdna mil-landfilling.”