L-investiment fl-immaniġġjar tal-iskart bl-iktar teknoloġija riċenti u faċilitajiet state-of the-art se jkun qed jieħu lill-pajjiżna ‘l quddiem lejn ekonomija ċirkolari fejn l-iskart se jsir riżorsa għal pajjiż.
Hekk qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, li spjega kif l-ikbar investiment fl-immaniġġjar tal-iskart se jkun qed jipproteġi l-ambjent u jgħin biex pajjiżna jilħaq il-miri ta’ riċiklar.
Dan l-investiment se jinkludi il-bini ta’ impjant Waste-to-Energy li se jkun qed inaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-landfilling, impjant ġdid għat-trattament ta’ dry recyclables, impjant għat-trattament ta’ skart organiku għall-produzzjoni ta’ kompost għall-agirkoltura, kif ukoll impjant ieħor li se jkun qed jieħu post l-inċineratur għal skart kliniku u skart mill-biċċerija.
“Pajjiżna se jkun f’pożizzjoni li jwaqqaf id-dipendenza tiegħu fuq il-landfilling u jibda jdawwar l-iskart f’riżorsa f’forma ta’ enerġija elettrika, riżorsi għall-agrikoltura u prodotti riċiklati,” qal Farrugia.
L-art li se tkun qed tintuża biex isir dan l-investiment se tkun qed titnaqqas b’mod drastiku wara li l-Gvern sema t-tħassib li ressqu l-familji li jgħixu jew li għandhom art agrikola f’dawk l-inħawi. Filfatt, dan il-proġett ser isir fuq medda ta’ 82,000m2 ta’ art, u mhux 279,000m2 kif oriġinarjament propost. Il-pjan oriġinali, li kien jipproponi li tittieħed medda ta’ art ta’ 150,000m2 għall-estensjoni tal-landfill, mhix qed tiġi kkunsidrata f’dan l-istadju. Minflok, il-kumpanija Wasteserv qed timmira li jkollha l-impjant Waste-to-Energy fi stadju aktar bikri minn dak maħsub u li s-siti għal-landfill preżenti jintużaw sal-massimu tagħhom.
L-impjanti msemmija se jkunu qed jinbnew fiz-żona tal-Magħtab biex l-operat tal-Wasteserv jiġi ċentralizzat, tiżdied l-effiċjenza loġistika tal-kumpanija filwaqt li tnaqqas l-effetti negattivi fuq l-ambjent. Impjanti u landfills bħal Wied Fulija fiż-Zurrieq, il-Qortin f’Għawdex u Sant’ Antnin f’Marsaskala ser jingħataw lura lill-pubbliku f’forma ta’ green areas. Din l-art li se tkun qed tingħata lura lill-poplu se tammonta għal 170,000m2.
Wasteserv Malta ngħatat il-mandat sabiex tmexxi x-xogħlijiet relatati ma dan l-investiment, inkluż studji addizzjonali biex din il-viżjoni ambizzjuża tiġi implimentata. Il-Waste-to-Energy plant b’mod speċifiku se jkun suġġett għal-studji ambjentali dettaljati filwaqt li ll-proċess ta’ procurement qed jiġi ppublikat fuq il-ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Richard Bilocca spjega kif huwa d-dmir tal-Wasteserv li tilħaq l-ambizzjonijiet ambjentali tas-soċjetà Maltija u li timplimenta proġetti ambizzjużi li jistgħu jiġu implimentati fl-inqas żmien possibli u bl-ogħla kriterji. Dan jiżgura li pajjiżna jibda jibbenefika minn dawk l-affarijiet assocċjati ma’ benefiċċji ambjentali.
F’kummenti konklussivi, il-Ministru Farrugia qal li dan il-proġett hu ħolqa kruċjali flimkien ma riformi oħrajn li qed jitmexxew mill-Ministeru fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart. Dawn l-inizjattivi jinkludu miżuri u inizjattivi ta’ natura infrastrutturali, politika u edukattiva li se jwasslu għal bidla fl-imġiba tant mistennija f’dan il-qasam. Dawn il-proġetti se jkunu qed jikkomplimentaw l-istrateġija tal-Gvern fl-immaniġjar tal-iskart li se jiġu finalizzati sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-pjan se jġib bidla fil-mentalità tan-nies lejn reducing, reusing, u recycling.