Fil-Kalkara tħabbar l-ewwel ġnien f’pajjiżna li ser ikun ħieles mill-karbonju.
Ġnien ir-Rnella, li se jkun lest sas-sena d-dieħla, se jgawdi minn investiment ta’ miljun ewro u ser iservi bħala post ta’ rilassament mingħajr ma jħalli impatt negattiv ambjentali.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li dan il-ġnien ser ikollu kunċetti innovattivi għal kollox.
Fost oħrajn ser ikun mgħammar b’pannelli tax-xemx mal-art li minnhom ser jiġi ġenerat dawl għall-ġnien stess. Ser ikollu wkoll sistema ta’ tisqija u qed issir ħidma fuq ġibjun.
Qalet, “Dan il-proġett ser ikun l-ewwel tat-tip tiegħu għaliex ser ikun ġnien ħieles mill-karbonju fejn ser ikollna numru ta’ affarijiet innovattivi biex kemm jista’ jkun naraw li ma nkunux qed noħolqu tniġġis fl-arja tagħna. Għalina huwa importanti ħafna wara kollox, għandna l-mira li niddikarbonizzaw l-ekonomija tagħna sas-sena 2050 u din tapplika wkoll għal żoni miftuħa bħal dawn.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Finanzi li rrimarka li hekk kif ninsabu ġimgħat ‘il bogħod mill-budget u minkejja l-effetti tal-pandemija, dan il-Gvern ser jassigura li jiġu allokati fondi biex jiġu investiti f’parks u ġonna.
Spjega, “Irridu naraw kif in-Naħa t’Isfel tal-pajjiż jikkontribwixxu b’mod ekonomiku daqstant ieħor ukoll, il-Gvern jalloka biżżejjed riżorsi nirriġeneraw il-madwar u nassiguraw li l-familji Maltin u Għawdxin ta’ dawn in-naħat ukoll ikollhom fejn jirrikreaw.”
Is-Sindku Kalkariż Wayne Aquilina għamel emfasi fuq l-importanza li r-residenti jkollhom spazju miftuħ għal żvog.
Qal, “Hija parti mill-ħidma tagħna ta’ kuljum illi aħna bħala Kunsill Lokali nagħtu spazji miftuħa lir-residenti tagħna u għalhekk qegħdin naħdmu ma’ entitajiet differenti, ma’ Ministeri differenti biex propju r-residenti tal-Kalkara jiggwadanjaw minn dan.”