Is-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna għamel pass ieħor ’il quddiem hekk kif ingħata bidu għall-ewwel servizz ta’ delivery permezz ta’ drone.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċirkewwa fejn ġie ttestjat għall-ewwel darba vjaġġ bid-drone minn Malta sa Kemmuna.
Dan jista’ jintuża biex iwassal provvisti ta’ mediċina jew apparat tal-ewwel għajnuna f’każ ta’ emerġenza.
Fil-fatt ġfit-test li sar waqt il-konferenza, f’inqas minn minuta d-drone tat-tip Skymex ġarr kaxxa b’ammont ta’ swab tests fiha lejn Kemmuna. Fil-vjaġġ tiegħu lura lejn Malta huwa rritorna b’kaxxa mimlija bil-boroż tad-demm.
Dan sabiex jintużaw bħala eżempju ta’ x’kapaċi jittrasporta dan it-tip ta’ drone.
ONE News tkellem ma’ Geoffrey Farrugia li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Hands On Systems li topera dawn it-tip ta’ drones.
Huwa qalilna, “Bażikament l-iskop huwa li dan id-drone jew il-UAV ikun kapaċi jitlaq minn point A u jasal f’point B, up to 80km without any control beyond visual line of sight u saħansitra jkun jista’ jitlaq minn post Malta għal post Għawdex jew minn post f’Malta għal Malta u jġorr up ta’ 10kgs minn medical to urgent cargos, spare parts.”
Spjega wkoll it-triq ’il quddiem għal dan is-servizz: “Hemm proċess ma bdejniex illum imma bdejna xi sena u nofs ilu fejn ovvjament bdejna nirriċerkaw, bdejna naraw il-partners min se jkunu, bdejna anke naraw anke jekk hemmx interess fis-settur mbagħad ħadna d-deċiżjoni li nibdew it-trial flights. Illum huwa l-ewwel pass minn passi oħrajn però m’aħniex ‘il bogħod. Din mhux xi ħaġa ta’ snin. L-idea tagħna hija li din is-sena noperaw is-servizz b’mod kummerċjali.”
Il-Ministru Ian Borg sostna li dan huwa pass ieħor kbir għall-industrija tal-avjazzjoni kif ukoll għas-settur tat-teknoloġija f’Malta.
Temm jgħid li llum aktar minn qatt qabel qegħdin naraw kemm it-teknoloġija tad-drones hija waħda dinamika u li toffri bosta servizzi differenti sabiex tiffaċilita l-ħajja.
Huwa sostna: “Inti allura ħa tara iżjed effiċjenza, nuqqas ta’ traffiku, nuqqas ta’ emmisjonijiet sabiex wieħed jittrasporta merkanzija minn post għal ieħor. Ovvjament Malta mhux nieqsa minn dak li għaddej madwar id-dinja u nħarsu ’l quddiem dan kollu jibqa’ jiġi żviluppat u grazzi speċjali lil Transport Malta li tirregola dan is-settur.”