B’investiment massiċċ ta’ aktar minn €10 miljun fiż-żona industrijali ta’ Bulebel, se jinħolqu madwar mitt impjieg ġdid.
Dan tħabbar propju f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Insaħħu lill-Ħaddiem”, mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri.
Dan l-investiment, li tħabbar propju fl-istess sena meta ż-żona industrijali li hija kbira daqs sittin grawnd tal-futbol qed tfakkar il-ħamsin sena anniversarju mindu twaqqfet, se jara l-bini ta’ ħames fabbriki ġodda u l-estensjoni ta’ fabbrika eżistenti, b’investiment ta’madwar ħames miljun ewro.
L-oqsma li dawn se jkunu jiffukaw fuqhom fost l-oħrajn hemm il-produzzjoni tal-ikel, tat-tabakk, tal-karti, cross docking u tal-labelling.
Il-Ministru Silvio Schembri qal kif dan kollu jikkumpimenta mal-viżjoni ta’ Gvern Laburista fil-qasam tal-industrija, li se tkun qed tiġi mħabbra fil-jiem li ġejjin sabiex pajjiżna jkabbar l-attività ekonomika tiegħu.
“Meta ftit tax-xhur ilu nedejna l-ikbar proġett ta’ infrastruttura industrijali ta’ €470 M. Konna semmejna kif ħa nkomplu ninvestu fl-industriji tagħna biex inkunu f’pożizzjoni li nattiraw investiment high value added. Fosthom il-mod ta’ kif qed jinbnew il-fabbriki il-ġodda multi-level u allura aktar vertikali milli ħoriżontali biex ma nieħdux art agrikola, inkunu f’pożizzjoni li nattiraw fabbriki bħal BioTech u riċerka u jħallu l-valur miżjud f’pajjiżna.”
It-tieni proġett li wkoll huwa ta’ €5miljun minn Indis Malta se jara titjieb fl-aċċess għall-fabbriki, joħloq spazju adegwat, aktar indafa u li se jtejjeb l-ambjent fejn jaħdmu l-ħaddiema.
Investiment ieħor tant mistenni huwa dak li bih se jinħoloq spazju miftuħ ġdid fuq medda ta’ tlett mija u tletin metru kwadru għall-ħaddiema ta’ din iż-żona li fiha tiġbor 80 fabbrika u tlett elef ħaddiem.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ rappreżentant tal-BIETA, li tieħu ħsieb l-immaniġjar taż-żona komuni ta’ barra, fejn saħaq li dan il-proġett se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.
“Għall-ħaddiema, il-parti ta’ fejn se jsir il-ġnejna se tkun ta’ mistrieħ u rikreazzjoni fil-breaks u ħa tkun attrazzjoni aħjar għalihom.”
Iż-żona ta’ mistrieħ tal-ħaddiema se jsir jisimha Misraħ il-Ħaddiema ta’ Bulebel.