Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jibni residenza ġdida għall-persuni b’diżabilità f’Ħal Kirkop, b’investiment ta’ miljun u tliet mitt elf ewro u li se tkun qed tilqa’ fiha tmien persuni biex b’hekk jgħixu fil-komunità. Din ir-residenza se tkun it-tieni waħda f’din il-lokalità u se tkun immexxija minn Aġenzija Sapport.
Din id-dar se tkun parti minn kullana ta’ djar oħra, hekk kif l-Aġenzija Sapport għandha disat idjar f’Malta u oħra f’Għawdex li fihom jilqgħu mas-70 resident.
F’konferneza tal-aħbarijiet quddiem fejn se tkun qed tinbena r-residenza, l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli tenniet li l-Gvern qed jagħmel dan kollu biex inkomplu nimlew lil persuni b’diżabilità bil-kuraġġ li minkejja kollox anke huma jistgħu jkomplu jgħixu ħajjithom b’mod indipendenti.
Il-Ministru Farrugia Portelli stqarret, “Dan l-investiment se jkun ifisser illi ser ikollna raħal ieħor, Ħal Kirkop, li se jibgħat messaġġ b’saħħtu favur l-inklużjoni. Din se tkun smart home b’investiment ta’ 1.3 miljun ewro li l-għan tiegħu hu li naraw tmien persuni oħra b’diżabilità jgħixu fil-kunċett ta’ familja fil-qalba tal-lokal.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li din id-dar, li se tkun lesta sa tliet snin oħra, se tkun mgħammra bi kmamar għall-counselling fost oħrajn filwaqt li enfasizzat li l-impenn tal-Aġenzija ma jieqafx mal-iżvilupp tad-dar, iżda li timxi wkoll pass pass mal-persuna.
Minkejja li hemm xi residenti li jerġgħu jmorru għand il-familji tagħhom, oħrajn jibqgħu jgħixu f’dawn ir-residenzi b’mod permanenti.
Sciberras spjegat, “B’daqshekk ma jfissirx li dawn ma jkunux jistgħu joħorġu, għax aħna l-ħaddiema tagħna joħorġu u jieħdu kullimkien il-persuni b’diżabilità. Dawn il-persuni b’diżabilità jkollhom nies professjonali magħhom mill-Aġenzija Sapport 24 siegħa kuljum.”
Il-permessi għall-bini ta’ din id-dar huma maħruġa filwaqt li bħalissa għaddej il-proċess ta’ kuntratti.