Il-Gvern flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Marsa ħabbar il-programm ta’ avvenimenti li ser jiċċelebra l-għażla ta’ din il-lokalità bħala post kulturali għall-2022.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fl-istess lokalità, il-Ħamis waranofsinhar hekk kif ġie spjegat li dan il-programm se jkopri sena sħiħa.
Fil-fatt, is-Sindku tal-lokalità Josef Azzopardi spjega kif iżżanżnet ukoll l-emblema l-ġdida għal dan il-programm. Emblema f’forma ta’ dgħajsa b’tifkira għal port li tmiss miegħu l-Marsa.
Azzopardi tenna li dan it-titlu għall-Marsa wassal sabiex aktar produtturi u nies midħla tal-arti għamlu kuntatt mal-Kunsill sabiex f’din is-sena jesponu l-arti tagħhom mwaħħda ma’ dak kollu li jsawwar il-Marsa.
Dwar il-programm li tnieda u l-attivitajiet fi ħdanu, is-Sindku spjega li ser ikun hemm wirjiet differenti ta’ arti, xogħol f’tradizzjoni tal-melħ, l-infiorata, dawriet mas-siti storiċi fil-lokalità anke permess ta’ vettura tal-linja antika akkumpanjata mill-banda fost oħrajn.
Azzopardi stqarr, “Għandek programm bi tnax-il attività. Attivitajiet li ser ikunu qed jitħallsu waħda waħda però s-sabiħ tagħha s-sena tal-Belt Kulturali hija li qed jiġu entitajiet fuqna u llum iridu jinvestu fil-Marsa. Min jixtieq pereżempju mingħajr ma nagħti tagħrif iżżejjed li fix-Xatt tal-Marsa jiftħu xi Mużew partikolari ġol-Menqa tal-Marsa.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera tenna l-importanza li fi ħdan il-Marsa jkompli jsir investiment massiċċ.
Il-Ministru Herrera stqarr, “Inti rbaħt it-titlu, ħadt il-flus konsiderevoli mill-Gvern Ċentrali u qed isib kollaborazzjoni biex jittellgħu dawn l-attivitajiet però aktar minn hekk jġiegħel il-Gvern jieqaf u jaħseb ftit u jiffoka ftit fuq din iż-żona.”