Ser tittella’ l-ewwel edizzjoni ta’ Rabat Sacrum, attività kulturali, bit-tema ‘Teżori moħbija fl-Imqades Rabtin’. Din se ssir nhar is-Sibt 23 ta’ Settembru mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem u l-Ħadd 24 ta’ Settembru mid-9:00 ta’ filgħodu sa nofsinhar.
Dan l-avveniment qed jiġi organizzat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, f’diversi toroq tal-lokal. Il-Kunsill Lokali kien iffinanzjat mill-iskema finanzjarja għall-Attivitajiet Kulturali Annwali b’fondi biex tittella’ din l-attività.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li r-Rabat għandu patrimonju kulturali u reliġjuż li għandu jservi ta’ opportunità biex minnu jkollna iżjed viżitaturi lejn dawn in-naħat tal-pajjiż, kemm turisti kif ukoll Maltin.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-Gvern għandu jibqa’ jagħti s-sotenn tiegħu f’attivitajiet soċjo-kulturali li jsaħħu u jikkontribwixxu għall-ġid u l-iżvilupp tal-komunitajiet, filwaqt li jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet. Fid-diskors tagħha hi faħħret lill-Kunsill Lokali tar-Rabat tal-inizjattiva favur dan il-proġett.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, spjega kif din l-attività se tiftaħ iċ-ċentru storiku tar-Rabat għall-pubbliku fejn wieħed jista’ jesperjenza r-reliġjon, l-istorja u l-kultura f’post wieħed. Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jżuru postijiet storiċi bla ħlas u postijiet li normalment ma jkunux miftuħin għall-pubbliku inġenerali. L-attività se tinkludi wkoll diversi kunċerti, wirjiet u infjorata fil-knejjes u l-kunventi.
Għal aktar informazzjoni fuq l-attività wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Malta.