Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-programm ta’ attivitajiet ‘L-Għid f’Għawdex – Arti, Fidi u Tradizzjoni’ li se jibda mill-10 ta’ Marzu u jibqa’ sejjer sal-14 ta’ April 2023.
Huwa stqarr li l-Ministeru għal Għawdex fassal kalendarju kulturali mimli attivitajiet relatati ma’ dawn il-jiem qaddisa tal-Għid. “Permezz tal-programm ta’ attivitajiet ‘L-Għid f’Għawdex’, qed nassiguraw li nżommu ħajjin bosta tradizzjonijiet li għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra u noffru esperjenza differenti lil dawk kollha li jagħżlu lil Għawdex f’dawn il-jiem,” tenna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri spjega li l-programm ta’ attivitajiet jinkludi, fost oħrajn, għadd ta’ funzjonijiet, purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, bosta kunċerti ta’ mużika sagra, diversi esibizzjonijiet tal-arti viżiva, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir inkluż bl-Istatwa tal-Irxoxt, kif ukoll attivitajiet għat-tfal.
Filwaqt li tenna li Għawdex lest sabiex jilqa’ bosta viżitaturi matul dan iż-żmien tas-sena, il-Ministru ħeġġeġ lil pubbliku sabiex jattendu għal dawn l-attivitajiet.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://issuu.com/visitgozo/docs/easter_in_gozo_2023
Ritratt ewlieni: visitgozo/Daniel Cilia