Fil-futur qrib se jibda x-xogħol fuq il-proġett ta’ riġenerazzjoni fi Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat.
Mifruxa fuq madwar erbat elef metru kwadru, il-Pjazza se tara xogħol fuq pavimentar ġdid, l-introduzzjoni ta’ culverts għall-ilma tax-xita, u bdil fis-servizzi tal-ilma, tad-dawl u tad-drenaġġ.
Il-pavimentar se jikkonsisti f’bankina ta’ madwar iz-zuntier, bankina ta’ fejn joqogħdu r-residenti, u dwal ġodda fil-pjazza u fit-toroq tal-madwar.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Perit Edward Scerri spjega li fil-qofol tal-proġett hemm ir-residenti.
Spjega kif “Se nużaw materjali li rriċerkajna dwarhom, li użajna fi pjazez oħrajn qabel però anki materjal oħrajn li ma ntużawx qabel u b’hekk se nbiddlu kompletament dan l-ispazju minn wieħed li llum kollu asfalt għal wieħed li se jkun kollu pavimentat.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li b’dan il-proġett se jkompli jsir investiment f’infrastruttura ġdida u moderna biex din il-pjazza toffri spazji miftuħa għan-nies tal-lokal u t-turisti li jżuruha.
Qal kif “Il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qiegħed jiffinanzja sabiex isir it-tisbiħ ta’ din il-pjazza u ser inkunu qed naraw li wara l-proċess tal-procurement u l-proċess amministrattiv, il-proċess ikun jista’ jibda, jitkompla u jispiċċa, u nemmen li kif qegħdin nagħmlu madwar pjazez oħrajn madwar Għawdex, ser inkunu qed nagħtu dehra ġdida lil dawn il-pjazez li huma fiċ-ċentru tal-irħula tagħna.”