Ġie mħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-Karnival f’Għawdex, li din is-sena jibdew mill-4 ta’ Frar u jibqgħu sejrin sat-13 tal-istess xahar.
Il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex, jiġifieri dak li jsir fir-Rabat, u li jieħu ħsiebu l-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali, fi ħdan id-Direttorat tal-Wirt Kulturali, jibda l-Ġimgħa 9 ta’ Frar.
Minbarra hekk, f’diversi lokalitajiet madwar il-gżira jiġu organizzati serati speċjali marbutin mal-Karnival f’numru ta’ rħula. Għal dawn il-kunsilli lokali wkoll jiġu assistiti mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Fost dawn, wieħed ovvjament isib il-Karnival spontanju tan-Nadur, li minn sena għall-oħra baqa’ dejjem jikber fil-popolarità tiegħu. Dan ukoll se jkun qed jittella’ bejn id-9 u t-13 ta’ Frar, inżul wara nżul ix-xemx.
Sadanittant fl-4 ta’ Frar se jiġu organizzati wkoll attivitajiet tal-Karnival fl-Għarb, fost oħrajn.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri spjega li ta’ kull sena jsiru sforzi kbar biex din iċ-ċelebrazzjoni ta’ arti u lwien tkompli tissaħħaħ.
Qal, “Programm li se jkun mifrux madwar Għawdex kollu, forsi b’mod partikolari l-programm reġjonali li jsir hawnhekk fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex, u aktar minn hekk ukoll il-Karnival spontanju fin-Nadur. Proprju dawn iż-żewġ attivitajiet ewlenin, il-Ministeru għal Għawdex, flimkien ma’ diversi kunsilli lokali, ikun qiegħed jagħmel l-almu tiegħu biex jorganizza dan kollu. Aktar minn hekk nibqgħu nagħmlu minn din il-gżira l-għażla naturali anke tul dan il-perjodu ta’ xhur kesħin.”
Hu qal li l-Ministeru jemmen bis-sħiħ fl-artisti lokali u, għalhekk, qed ikun assigurat li din il-manifestazzjoni mhux biss tkompli tikber, imma aktar minn hekk tkun sostenibbli.
Fakkar li, biex dan iseħħ, f’Settembru tas-sena l-oħra għall-ewwel darba tnediet skema li, permezz tagħha, id-disinjaturi u l-organizzazzjonijiet tal-Karnival f’Għawdex ingħataw għajnuna finanzjarja biex jikru postijiet li jintużaw għall-bini tal-karrijiet.
Dan minbarra għajnuna oħra li tingħata lill-kunsilli lokali għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet marbutin mal-Karnival.