Il-Gvern Ingliż formalment ħabbar il-pjan tiegħu għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Dan seħħ jum wara li l-House of Commons ivvota b’maġġoranza assoluta fuq liġi li eventwalment tagħti l-poter lil Prim Ministru biex tapplika artiklu ħamsin u b’hekk jibda l-proċess uffiċjali tal-pajjiż biex jinħall mir-rabta mal-Unjoni Ewropea.
Id-dokument ta’ sebgħa u sebgħin paġna jagħti stampa ċara tal-passi li se jieħu r-Renju Unit fejn fost l-oħrajn jissemmew il-prioritajiet li l-pajjiż se jkollu biex jintlaħaq ftehim kummerċjali ma’ għadd ta’ pajjiżi fosthom l-Amerka, iċ-Ċina u l-Awstralja.
Minkejja li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea mistennija jqattgħu l-karti, il-Gvern Ingliż mistenni jara li jintlaħaq ftehim adegwat biex għalkemm il-pajjiż joħroġ mis-suq komuni xorta jżomm elementi kummerċjali li għandu kull stat membru.
Id-dokument maħruġ mill-Gvern dwar il-BREXIT juri tħassib għall-attitudni ta’ diversi Gvernijiet Ewropej li għadhom ma kkomettewx ruħhom dwar il-futur ta’ kważi tlett miljun ċittadini Brittaniku li jgħixu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-pjan tal-Prim Ministru Theresa May jitkellem ukoll dwar il-ħarsien tal-fruntieri tal-pajjiż u kif sa issa jista’ jagħti garanzija li l-uniku post li mhux mistenni jkun hemm xkiel dwaru huwa l-moviment tan-nies mir-Renju Unit għall-Irlanda u viċe-versa.
L-Irlanda li hija stat membru għandha ftehim speċjali mar-Renju Unit li bih huwa marbut it-trattat ta’ paċi li jeżisti għall-Irlanda ta’ Fuq.