It-tim Ingliż ta’ Manchester United ħabbar il-pjan tiegħu biex ikollu grawnd ġdid, l-akbar grawnd fir-Renju Unit. Dan b’investiment ta’ £2 biljun u b’kapaċità ta’ 100,000 spettatur.
Wieħed mis-sidien tat-tim Ingliż Sir Jim Ratcliffe qal li hu mistenni li dan il-grawnd ikun lest fi żmien ħames snin.
Din id-deċiżjoni minn Manchester United saret wara proċess wiesgħa ta’ konsultazzjoni dwar jekk għandux jiġi żvilluppat il-grawnd preżenti jew jinbena grawnd ġdid.
Il-grawnd preżenti, dak ta’ Old Trafford, ilu mibni u jintuża minn Manchester United sa mill-1910, għal aktar minn 110 snin.
It-tim Ingliż qal li dan hu pari passu mal-aġenda tal-Gvern Laburista Brittaniku, li jkabbar l-ekonomija u dan il-proġett massiċċ se jwassal biex tiġi riġenerata ż-żona ta’ Old Trafford.
Dan hekk kif dan il-proġett mistenni joħloq 92,000 xogħol ġdid, waqt li jibnew 17,000 dar ġdida u aktar persuni jżuru din iż-żona fil-belt ta’ Manchester. B’dan se jżid il-valur miżjud fl-ekonomija Ingliża, hekk kif se jżuru dan il-post, 1.8 miljun persuna iżjed.




