Matul dan il-lejl, wara diversi ġimgħat ta’ spekulazzjoni tħabbar il-European Super League.
S’issa tnax-il tim ħabbar li se jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni, li huma Manchester United, Liverpool, Real Madrid, Barċellona, l-Inter, il-Milan, il-Juventus, Manchester City, l-Arsenal, iċ-Chelsea, it-Tottenham Hospturs u l-Atletico Madrid.
Din il-kompetizzjoni, li se tibda tintlagħab f’nofs il-ġimgħa, se tkun immexxija mit-timijiet li daħlu għal dan il-kampjonat.
Fi stqarrija, kmieni t-Tnejn filgħodu, intqal kif dawn it-tnax-il tim se jiddiskutu flimkien mal-UEFA u l-FIFA sabiex isibu l-aħjar soluzzjoni għall-isport tal-futbol.
Il-klabbs Ewropej qalu kif din il-kompetizzjoni se tibda mill-aktar fis possibli u dawn il-klabbs se jingħataw $3.5 biljun sabiex itaffu mill-effett tal-pandemija globali.
Intant, fi stqarrija konġunta bejn il-UEFA flimkien mal-Federazzjonijiet tal-Futbol tal-Ingilterra, l-Italja u Spanja ntqal li ser jittieħdu passi kontra t-timijiet li se jiffurmaw parti mis-Super League.
Dawn mistennija jkunu sospiżi mill-kompetizzjonijiet Ewropej, imma wkoll minn dawk domestiċi.
Il-UEFA qalet ukoll li l-plejers, li se jieħdu sehem f’dan il-kampjonat, ma jkunux jistgħu jippreżentaw lil pajjiżhom fuq livell internazzjonali.
Din it-tħabbira minn dawn it-tnax-il tim waslet ftit sigħat qabel il-UEFA kellha tħabbar bidliet fil-UEFA Champions League mill-istaġun tas-sena 2024.