Tnieda ċ-ċensiment tal-popolazzjoni u d-djar li jsir kull għaxar snin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. Dan se jkun it-18-il ċensiment, li fi kliem il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana se jsir b’nefqa ta’ tliet miljun ewro, u se jinvolvi 1,300 persuna.
Il-Ministru Clyde Caruana aċċena wkoll għal inizjattiva ġdida għal wara dan iċ-ċensiment, biex ikun hemm reġistru sħiħ tal-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan qed isir għaliex il-kapital uman hu l-uniku riżorsa tal-gżejjer Maltin, u għandu jissaħħaħ. L-informazzjoni miġbura se jgħin fit-tfassil għall-politika nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol, u biex l-investiment li jagħmel il-Gvern ikun produttiv.
Dan se jkun kruċjali wkoll anke fid-dawl tal-miri Ewropej sal-2030 dwar il-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema.
Id-Direttur Ġenerali tal-NSO, Etienne Caruana, qal li sar investiment biex il-pubbliku jkollu erba’ metodi differenti kif jissottomettu l-informazzjoni, inkluż bl-anqas kuntatt possibbli skont pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Spjega wkoll l-informazzjoni mill-professjonisti se tibda tinġabar mill-bidu ta’ Ottubru, u se jintbagħtu 220,000 ittra fid-djar b’informazzjoni dwar kif se tinġabar l-informazzjoni. Fl-istess ħin, l-NSO “qed jisħaq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-poplu, għaliex is-saħħa taċ-ċensiment jiddependi mill-kontribuzzjoni ta’ kulħadd”, qal Caruana.
Silvan Zammit, Direttur fl-NSO, spjega wkoll li għall-ewwel darba, dan iċ-ċensiment se jikkunsidra wkoll l-orjentazzjonijiet sesswali, ir-reliġjon, u r-razza tal-persuni. Dan apparti li se jitfa’ aktar dawl fuq il-bini f’Malta, u kemm minnu huwa vojt.
“Għall-ewwel darba se nintroduċu xi innovazzjonijiet biex ngħinu lid-djar jipparteċipaw bi ħġarhom. Hemm l-għażla li jimlew formola online, jew ikollna numeratur li jgħinhom permezz ta’ tablet jew telephone, jew jista’ jħallilhom ktejjeb li jerġa’ jinġabar min-numeratur tagħna”, temm jispjega.
Huwa maħsub li dan l-eżerċizzju għandu jieħu tliet ġimgħat, hekk kif l-NSO qed jistma li l-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin hija ta’ madwar mitt elf ruħ aktar minn għaxar snin ilu.