Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis attenda għaċ-ċelebrazzjoni tal-25 sena mill-ftuħ tal-Università tat-Tielet Età (U3E) ġewwa Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis enfasizza kemm huwa importanti li wieħed ifittex li jkompli jitgħallem, bħal ma jagħmlu aktar minn 700 anzjan u anzjana li jattendu għall-programmi tal-U3E fl-erba’ ċentri madwar Malta u Għawdex. Sa issa, dawn iċ-ċentri jinsabu ġewwa l-Furjana, Bormla, tas-Sliema u Għajnsielem.
L-U3E hija pjattaforma li sservi biex inkomplu nsaħħu l-importanza tal-inklużjoni soċjali u l-aċċessibilità għall-informazzjoni u l-edukazzjoni għall-anzjani f’Malta. B’dawn il-programmi edukattivi numru ta’ anzjani qegħdin jibqgħu attivi u jħossuhom parti mis-soċjetà Maltija.
B’sodisfazzjon kbir, Anthony Agius Decelis ħabbar li minn Ottubru li ġej, kull nhar ta’ Erbgħa ser jinfetaħ ċentru iehor tal-U3E f’Malta, fil-lokalità ta’ Ħ’Attard. Dan se jwassal biex il-programmi tal-U3E jkunu wkoll aċċessibbli għal persuni li jgħixu f’dawk in-naħat, u b’hekk inkunu qegħdin inwessgħu l-opportunità sabiex iktar anzjani jipparteċipaw f’dawn il-programmi.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-Università ta’ Malta, lid-direttur, Professur Marvin Formosa, u lill-ħaddiema tal-U3E għall-ħidma kontinwa tagħhom b’dedikazzjoni, u l-programmi ta’ kwalità li qed tipprovdi din l-istituzzjoni.