Fix-Xagħra se jitwettaq proġett li se jara Ċentru Ċiviku ġdid.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li dan il-proġett qed isir bi ftehim mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra u b’investiment ta’ kważi miljun u nofs ewro.
Fil-fatt, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tenna li permezz ta’ dan iċ-ċentru ċiviku se jkunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi governattivi b’mod aktar effiċjenti u aċċessibbli. Dan filwaqt li l-Kunsill Lokali se jkun qed jieħu ħsieb ix-xogħlijiet fuq dan iċ-ċentru.
Permezz ta’ dan il-proġett, l-għassa u l-berġa se jkunu fil-livell tat-triq u se jsir lift biex wieħed ikun jista’ jaċċessa l-Kunsill Lokali fl-ewwel sular u s-sala tal-komunità li se tinbena fuq nett.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Ser jibda proġett fejn se jinkorpora fih l-uffiċini kollha tal-Kunsill Lokali, il-Berġa tal-istess lokalità u wkoll l-għassa tax-Xagħra u għaldaqstant dan se jkun ċentru li se jaqdi l-esiġenzi ta’ wieħed mill-akbar irħula li għandna f’Għawdex, l-aktar raħal popolat wara r-Rabat.”
Intant is-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit esprima s-sodisfazzjon tiegħu hekk kif fl-aħħar se jitwettaq dan il-proġett tant bżonjuż: “Proġett li huwa bżonjuż ħafna u neċessarju. Ilna snin nixtiquh hawnekk fix-Xagħra għax-Xagħrin biex ovvjament nibdlu l-uffiċini qodma l-għandna u li m’għadhomx adegwati fiż-żminijiet ta’ llum għall-ikbar raħal fil-gżira Għawdxija.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Perit Edward Scerri li spjega mil-att tekniku, id-dettalji ta’ dan il-proġett: “Tajna każ ukoll mil-lat estetiku. Il-prijorità tagħna kienet li nagħtu prijorità lill-estetika tal-binja iktar milli ndaħħlu kemm nistgħu sulari u floor space għaliex l-estetika hija ħaġa importanti speċjalment il-post fejn hu tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mil-pjazza ewlenija tax-Xagħra u tefgħa ta’ ġebla l-bogħod mit-tempji tal-Ġgantija li huma famużi ferm fir-raħal tax-Xagħra.”
Ritratti: MGOZ