L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għamlet rapport minnufih lill-Pulizija dwar il-każ ta’ għajbien ta’ laptop mill-kamra tal-esebiti tal-Qorti f’każ pendenti. Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Whip tal-Gvern Davina Sammut Hili.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Attard ħabbar li wkoll inħatar bord amministrattiv biex jagħmel analiżi u skrutinju ta’ kif jitmexxa dan l-element importanti fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
Hawnhekk, minkejja li ma semmiex il-każ speċifiku, il-Ministru kien qed jirreferi għall-għajbien ta’ laptop li hu parti mill-evidenza f’każ fil-konfront tal-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk, Luke Seguna.
Dan hekk kif fil-kamra tal-esebiti fil-Qorti tinżamm evidenza importanti f’każi ġudizzjarji.
“Dan, minn żmien għal żmien, dejjem jinqalgħu ċirkostanzi bħal dan sfortunatament u għaldaqstant irridu nibqgħu nħarsu biex insaħħu s-sistemi, insaħħu r-riżorsi umani u nsaħħu wkoll l-investiment li qed isir, anke bl-użu ta’ teknoloġiji li jkunu għad-dispożizzjoni fis-suq biex kemm jista’ jkun inserrħu moħħ il-pubbliku inġenerali, li s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna ħa twassal għall-ġustizzja.”