Fl-ajruport ta’ Kabul fl-Afganistan is-sitwazzjoni qed tkompli tiggrava b’ommijiet qed jagħżlu li f’att ta’ disprament jitfgħu t-trabi wara l-barbed wire biex is-suldati Ingliżi jieħduhom magħhom u jsalvawhom mit-Taliban.
Ritratt ta’ tarbija ta’ seba’ xhur tibki f’kaxxa waħidha dar fuq il-midja soċjali u kompla juri l-qagħda prekarja li hemm barra l-ajruport internazzjonali ta’ Hamid Karzai.
Hu mifhum li l-militanti Talibani issa mhux iħallu iżjed nies jersqu lejn l-ajruport biex jaħarbu mill-Afganistan wara li l-Ħadd, il-militanti daħlu fil-kapitali mingħajr ma sabu wisq reżistenza.
Is-Segretarju għad-Difiża tar-Renju Unit Ben Wallace qal ma’ Sky News li s-suldati Ingliżi ma jistgħux jaqbdu jieħdu tfal mingħajr familji tagħhom iżda fejn instabu l-familji tagħhom, dawn ittieħdu abbord ajruplan biex jitilqu mill-pajjiż.
Fil-fatt mal-120 familja ġew aċċettati fuq ajruplan militari Ingliż f’Kabul.