Ottubru hu marbut mat-twelid u l-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm, li twieled f’Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru tal-1871 u miet f’San Ġiljan nhar it-13 ta’ Ottubru 1961.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mas-Sindku tal-Floriana, Vincent Borg, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, u r-rappreżentanti tal-Kumitat Festi Nazzjonali, sellmu lill-Poeta Nazzjonali b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-mafkar tiegħu fil-Furjana.
“Il-Poeta Nazzjonali Dun Karm kien forza importanti biex Malta minn ġens saret nazzjon, mhux biss bit-tħaddim tajjeb immens tal-lingwa Maltija, imma anke għall-messaġġi b’saħħithom li kien jgħaddi u li sawru sens ta’ identità nazzjonali mill-aktar b’saħħitha. Grazzi għall-Poeta Nazzjonali, aħna bħala poplu esprimejna bl-aqwa mod l-ambizzjoni tagħna għall-identità tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.
Minbarra din iċ-ċerimonja, fil-21 ta’ Novembru li ġej se tittella’ serata oħra, relatata mat-tema taż-żmien fil-poeżija ta’ Dun Karm, fis-Sala Agatha Barbara, fil-Palazz tal-President, f’Ħ’Attard.
Matul is-serata se jiġu interpretati siltiet mużikali miktuba apposta mill-kantawtur Mario Debono, bis-sehem ta’ Corazon Mizzi, li wkoll se tmexxi l-istess serata.
Fis-serata se ssir taħdita relatata mat-tema “Iż-żmien fil-poeżija ta’ Dun Karm”, se jinqraw poeżiji minn Philip Farrugia Randon u se tiġi interpretata poeżija bl-isem “Għal Dun Karm” mill-awtur stess Charles Coleiro.