Episodju bħal tal-Konvoj ta’ Santa Marija juri l-qlubija tal-Maltin. Dan intqal mill-President ta’ Malta George Vella wara li ċerimonja qasira li fakkret id-disgħa u sebgħin sena minn dan l-episodju importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-President qal kif ċerimonja bħal din tfakkarna f’ħutna li taw ħajjithom għall-pajjiżna tul il-ġrajja tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Hawn irrimarka li aktar ma jgħaddi żmien, il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qed jinsew l-importanza ta’ din il-ġrajja storika u l-impatt li kellu fuq ħajjitna.
Qal, “Jiena nammira u napprezza ħafna lil min ikompli jġedded din il-memorja, għax din hija l-istorja tagħna, li sfortunatament m’għandniex ninsewha. Dawn huma episodji li fihom irridu nfakkru l-qlubija tal-Maltin u iktar u iktar insellmu lil dawk li taw ħajjithom biex dawn l-affarijiet seħħew u l-bixra li taw lill-istorja ta’ pajjiżna.”
Iċ-ċerimonja annwali saret fil-Port il-Kbir fejn intefgħu numru ta’ kuruni tal-fjuri fil-baħar.
Fl-aħħar ta’ din iċ-ċerimonja, membri mill-Forzi Armati ta’ Malta daqqew il-Last Post u ġiet osservata minuta silenzju.