Fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru, Malta qed tingħaqad mal-komunità marittima internazzjonali biex tiċċelebra l-Jum Dinji Marittimu. Malta tikkommemora din l-okkażjoni fl-istess ġurnata bħal IMO (L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali), il-Ħamis 28 ta’ Settembru 2017.
Fi stqarrija l-Ministru Ian Borg qal li t-tema għall-Jum Dinji Marittimu fl-2017, kif ġiet approvata mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni, hija Connecting Ships, Ports and People. It-tema ta’ din is-sena intgħażlet sabiex tipprovdi opportunità biex niffukaw fuq id-diversi atturi involuti fis-setturi tat-tbaħħir u l-loġistika.
“Malta tagħraf l-irwol importanti li IMO għandha biex tagħti għajnuna lil Stati Membri tal-istess organizzazzjoni sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji marittimi favur investiment f’approċċ koerenti u ta’ interaġenzija, li jindirizza diversi kwistjonijiet, inkluż il-faċilitazzjoni tat-trasport marittimu, u t-titjib f’effiċjenza, sigurtà navigazzjonali, il-protezzjoni tal-ambjent marittimu, u s-sigurtà marittima. Maritime Malta issellem lil IMO għas-suċċess u l-kontribut tagħha sabiex jintlaħqu l-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li huma risposta wiesa’ għall-isfidi li d-dinja llum għaddejja minnhom – iż-żieda fil-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima, theddid għall-ambjent, esplojtazzjoni mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali, theddida għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, theddid soċjali minħabba ta’ kriminalità organizzata u estremisti vjolenti, u instabbiltà li twassal għal migrazzjoni mħallta.”
Malta ilha membru ta’ IMO mill-1966, wara li f’Ġunju ta’ dik is-sena issieħbet fil-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li stabbilixxiet din l-organizzazzjoni. Bħala ċentru marittimu internazzjonali u, partikolarment, bħala wieħed mill-akbar reġistri tat-tbaħħir fid-dinja, Malta hija parteċipant attiv fl-IMO. Malta hija wkoll kburija mill-assoċjazzjoni diretta tagħha ma’ żewġ ċentri internazzjonali importanti mmexxija minn IMO u li jinsabu Malta, li huma iċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għal Intervent f’każ ta’ Emerġenza kontra t-Tniġġis Aċċidentali tal-Baħar (REMPEC) u l-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali tal-IMO (IMLI). Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom għan distint li jiżguraw li l-amministraturi marittimi għandhom riżorsi umani żviluppati u mħarrġa b’mod adattat.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Dr Ian Borg, tenna li l-appoġġ kontinwu ta’ Malta għax-xogħol ta’ IMO, kif ukoll l-importanza li l-Gvern ikompli jabbina mal-iżvilupp u t-titjib kontinwu tas-settur marittimu b’mod sostenibbli.