L-uniku kandidat għall-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, ftit tal-ħin ilu tefa’ n-nomina għal dan l-irwol.
Tard ilbieraħlula, il-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalet li Perici Calascione huwa idoneu biex jikkontesta għal din il-kariga wara l-konkużjonijiet ta’ rapport tad-diliġenza dovuta li sar fuqu.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li, wara li Perici Calascione tefa’ n-nomina, ingħalaq il-proċess tan-nomini minħabba li huwa l-uniku kandidat.
Bħall-Kap Bernard Grech, Alex Perici Calascione se jtellaq waħdu, għax kien hu biss li tefa’ l-espressjoni ta’ interess għall-kariga numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-elezzjoni se ssir fit-30 ta’ Lulju.
Perici Calascione, li huwa meqjus qrib ħafna tal-establishment Nazzjonalista, kien tefa’ ismu fl-aħħar jum meta kienet se jagħlaq iż-żmien għall-espressjoni tal-interess għal din il-kariga.
Ħadd mill-Grupp Parlamentari ta’ Bernard Grech ma wera interess.
Sorsi mill-istamperija li kienu tkellmu ma’ ONE News wara li tefa’ ismu Perici Calascione fakkru li, sena ilu, huwa kien imġiegħel jagħmel il-wisa’ mill-kariga tiegħu fl-istruttura tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex jidħol l-hekk imsejjaħ “demm ġdid”, u sena wara ironikament spiċċa kellu jkun l-uniku kandidat li jikkontesta għal din il-kariga wara li ħadd ma kien interessat li jieħu dan l-irwol.