Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ għamilha.
Jitfa’ allegazzjonijiet f’diskussjonijiet politiċi u meta jkun mitlub jissostanzjahom mhux talli ma jagħmilx dan, iżda lanqas iwġieġeb lil min jgħidlu li jrid jinvestiga.
L-aħħar każ huwa marbut mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Fil-Mosta Simon Busuttil qal li ħaddiema li jaħdmu fl-ETC qed isofru minn diskriminazzjoni politika.
Dan ġab ir-reazzjoni taċ-ċermen eżekuttiv tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, Clyde Caruana, li ftit siegħat wara kien diġa’ kiteb lill-Kap Nazzjonalista.
Kitiblu kif kumment bħal dan jieħdu b’serjeta kbira u qallu li kemm ilu fit-tmexxija dejjem ħass li mexa b’ġustizzja u kif persuni magħrufa għal twemmin politiku differenti ingħataw l-opportunita li jikkonktribwixxu. Fakkru wkoll kif il-ħaddiema huma rappreżentati mill-Union Ħaddiema Magħqudin u ma jirriżulta li hemm ebda kwistjoni pendenti.
Għalhekk Caruana talab lill-Kap Nazzjonalista biex iħeġġeġ lill-ħaddiema jitkellmu, anke permezz tal-UĦM. Qallu wkoll li jekk hemm bżonn jinħatar bord biex jinvestiga l-każ. Iżda, wara ħames t’ijiem Simon Busuttil lanqas biss wieġeb l-imejl ta’ Caruana.
Dan l-aġir li l-ewwel jitfa’ l-ġebla imbagħad jaħbi idu mhux ġdid għal Simon Busuttil. Diġà għamilha f’Dissett meta qal li persuna neħħewlha l-benefiċċji soċjali.