Fid-disa’ u kwart tal-Ħadd filgħodu ttellgħu fl-ispazju biċċiet tal-ġilda minn saqajn ta’ Maltin li għandhom id-dijabete u li huma infettati bl-ulċeri. Dan biex jiġi studjat l-impatt fuq il-batterja li tinsab f’dawn l-ulċeri f’ambjent ferm differenti minn dak li nsibu fil-laboratorji fid-dinja.
Il-Proġett xjentifiku msejjaħ Maleth huwa l-ewwel studju għall-pajjiżna li se jsir fl-istazzjoni spazzjali internazzjonali.
Dan qed isir mill-Università ta’ Malta flimkien ma’ għadd ta’ msieħba oħra u se jieħu madwar 40 u 50 jum. F’dawk il-jiem se jiġi studjat il-mod li l-bacteria taġixxi għall-ambjent aħrax li hemm fl-ispazju.
Il-koordinatur tal-proġett, il-Professur Joseph Borg, tenna li l-ispazju huwa estensjoni tal-laboratorji fid-dinja, b’differenza li jista’ joffri riżultati differenti li s’issa għadna qatt ma rajna.
“Fih ħafna apparat u attrezzat li ma ssibhomx ġewwa Malta u anke fid-dinja fosthom hemm il-microgravity u raġġi solari li mhumiex għolja daqskemm huma fid-dinja u dawk huma għodda differenti li m’għandniex hawnhekk li permezz tagħhom tista’ toħroġ affarijiet ġodda jew innovattivi li nixtiequ naraw.”
Ix-Xjentista Christine Gatt qalet li r-riżultati minn dan l-istudju se jiġu analizzati sabiex ikun jista’ jiġi żviluppat trattament jew anke mediċina għall-persuni bid-diabete f’Malta.
Id-dijabete hija kundizzjoni komuni fost il-Maltin, u jsiru madwar 400 amputazzjoni tas-sieq jew parti minnha fis-sena.
“Meta jerġgħu jiġu lura ħa nerġgħu nanalizzawhom biex idelament, potenzjalment insibu biomarkers li nistgħu naħdmu fuqhom biex imbgħad ikun hemm treatment u jkun hemm personalized treatment.”
Il-kumpanija Arkafort se ssegwi kull żvilupp f’kull ħin tal-ġurnata permezz ta’ moniteraġġ li għandha mal-istazzjon spazzjali. Il-kumpanija Evolve wkoll hija parti mill-kollaborazzjoni ta’ dan il-proġett, li sab l-appoġġ ukoll mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-MCST.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Arkafort, Gordon Grech tenna li matul il-moniteraġġ kollu se jitniżżlu stampi u informazzjoni kollha meħtieġa biex l-istuju jsir fuq numru ta’ data miġbura.
“Din l-informazzjoni mbgħad ħa tinżel ġod-data centres tagħna, fejn hemmhekk ħa tkun qed tiġi pproċessata u nkunu nistgħu nagħmluha available għat-tim li qiegħed l-Università ta’ Malta biex ikunu jistgħu jaraw l-andament tal-esperiment.”
Dan huwa biss il-bidu, hekk kif l-ispazju jista’ jwassal għal firxa aktar wiesa’ ta’ esperimenti mediċinali oħra.