Il-Ħamis filgħaxija ġiet iċċelebrata quddiesa fix-xatt ta’ Marsaxlokk u wara sar it-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti tas-sajjieda qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-lampuki.
Il-quddiesa u ċ-ċerimonja tat-tberik huma parti importanti mit-tessut kulturali tas-sajd lokali. Din iċ-ċerimonja tiġi organizzata kull sena, ftit jiem qabel il-ftuħ uffiċjali tal-istaġun tal-lampuki.
Is-Segretarju Parlamentari inkarigata mill-qasam tas-sajd, Alicia Bugeja Said iddeskriviet din iċ-ċerimonja bħala simbolu ħaj u evidenza ċara tal-apprezzament li għandna għat-tradizzjonijiet u l-kultura marbut mas-sajd.
L-istaġun tal-lampuki jibda fil-15 t’Awwissu u jibqa’ għaddej sal-aħħar tas-sena.
Għal din is-sena, mal-84 bastiment tas-sajd jinsabu mgħobbija bil-kannizzati, kif ukoll b’tagħmir ieħor bħall-palm, iċ-ċimi u l-ġebel, sabiex flimkien joħorġu ’l barra u jsorġu ċ-ċimi skont il-pożizzjonijiet li ġew ipprovduti lilhom mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.
Il-quddiesa u t-tberik tmexxa minn membri tad-Dijoċesi tal-lokalità, u mill-Kappillan ta’ Marsaxlokk ir-Reverendu George Spiteri.
“Ilkoll għandna napprezzaw il-ħila, s-sengħa u l-ħidma bla waqfien tas-sajjieda tagħna. Dan is-settur huwa parti importanti mill-identità tagħna bħala nazzjon għaliex huwa wieħed li jżewweġ l-element tradizzjonali mal-prattiċi sostenibbli u teknoloġiċi tal-lum,” sostniet Bugeja Said.
Is-Segretarju Parlamentari awgurat suċċess lis-sajjieda f’dan l-istaġun. Hija enfasizzat fuq l-irwol importanti li għandu s-sajd f’pajjiżna, kemm fil-kultura kif ukoll fl-identità tagħna. “Illum il-ġurnata s-sajd qed ikun iżjed sostenibbli u qed iservi wkoll ta’ importanza għas-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna. Il-ħidma tas-sajjieda Maltin u Għawdxin għandha tkun ferm apprezzata, mhux matul dan l-istaġun biss, iżda mas-sena kollha,” ikkonkludiet Bugeja Said.