L-ishma tal-ġgant fid-dinja tat-teknoloġija Apple, reġgħu tilfu l-valur tagħhom għat-tieni ġurnata konsekuttiva wara li l-Erbgħa ġie rrappurtat kif il-ħaddiema tal-Gvern Ċiniż kienu projbiti milli jużaw iPhones.
L-aħbar oriġinarjament kienet imħabbra minn The Wall Street Journal, li qal kif Beijing ordna lill-ħaddiema tiegħu biex ma jieħdux il-mobile ta’ Apple fl-uffiċini u lanqas jużawhom għall-affarijiet relatati max-xogħol.
L-għada ġie rrapurtat kif din il-projbizzjoni tista’ saħansitra testendi għal dawk lil ħaddiema li jaħdmu f’kumpaniji tal-Gvern jew aġenziji appoġġjati mill-Gvern Ċiniż.
Is-suq Ċiniż huwa wieħed massiċċ, it-tielet l-akbar fid-dinja, u dawn l-iżviluppi waslu biex il-valutazzjoni tal-kumpanija Apple jaqa’ b’aktar minn sitta fil-mija jew kważi mitejn biljun dollaru Amerikan.