Dak li qal il-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech il-ġimgħa l-oħra dwar l-ambjent tfassal minn nies li lanqas għandhom idea l-kelma ambjent xi tfisser.
Hekk kiteb l-Artikolista rett u li ħsibijietu jesprimihom sew, Raphael Vassallo, fil-ħarġa tal-Ħadd tal-Maltatoday.
B’ritratt tal-konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Kap Bernard Grech dwar l-ambjent, li fiha ddefenda l-pjanijiet lokali tal-2006, li bihom Gvern Nazzjonalista qabad art verġni daqs is-Siġġiewi u taha għall-iżvilupp, Vassallo kiteb li l-Partit Nazzjonalista lanqas ikkonsulta mal-ambjentalisti vera.
Vassallo kiteb ukoll li t-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u l-bżonn ta’ iktar tħawwil ta’ siġar f’żoni rurali huma punti li ma tarahom imkien f’dak li semma l-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk Vassallo jgħid li aktarx il-partit ta’ Bernard Grech ma tkellem mal-ebda ambjentalist rasu fuq għonqu.
Fl-artiklu jissemma wkoll li l-Partit Nazzjonalista lanqas semma strateġija nazzjonali għall-ilma.
Minflok fil-konferenza tal-aħbarijiet li għamel, il-Kap Bernard Grech qagħad jiddefendi dak ta’ żmien Lawrence Gonzi.
Huwa qal, “Ma naqbilx miegħek meta inti ssemmi li l-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni tal-2006 kien xi eżerċizzju li għamel il-ħsara.”
Bernard Grech baqa’ jiddefendi l-pjanijiet lokali tal-2006 għaliex huwa mdawwar b’żewġ galoppini ta’ żmien l-eks Ministru George Pullicino, li kienu responsabbli mill-isfreġju ambjentali li sar fl-2006.
Ray Bezzina, eks Chief of Staff ta’ Pullicino issa huwa l-id il-leminija ta’ Grech u l-messaġġier tal-establishment, filwaqt li Chris Ciantar, eks Segretarju Permanenti ta’ Pullicino, illum huwa r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Quddiem dan kollu, l-artiklu ta’ Raphael Vassallo jagħlaq b’batuta għall-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar skopra l-kelma ambjent.
Vassallo issa jistieden lil Bernard Grech jaqbad dizzjunarju u jfittex it-tifsira tal-kelma ambjent.