Sena ilu, Franċiżi u turisti f’Pariġi kienu għaddejjin bir-rutina normali tagħhom, iżda minn qatt kellu jgħidilhom li ġurnata normali kellha tinbidel f’traġedja, li qatt ma kienu se jinsew f’ħajjithom.
Tnejn fost dawn, kienu Katie Healy u David Nolan. David kien pjana vjaġġ romantiku fil-belt ta’ imħabba, Pariġi, għal għeluq snin it-tfajla tiegħu ta’ 28 sena. David kellu l-pjan li jipproponi lit-tfajla tiegħu biex tiżżewġu.
Il-biljett għal kunċert tal-‘Eagles of Death’, kellu jkun lejl ta’ pjaċir għal din il-koppja fl-ewwel serata tal-vjaġġ tagħhom, iżda huma spiċċaw f’nofs massakru. Kien propju l-lejl li fih terroristi mill-grupp militanti tal-ISIS qatlu 130 persuna, 89 minnhom quddiem għajnejn din il-koppja fil-Bataclan.
B’xorti tajba l-koppja rnexxielha taħrab minn xmara ta’ demm, xita ta’ sparar u biża’. Illum, sena wara dawn l-attakki li ħasdu d-dinja kollha, il-koppa ħabbret li se jkollha l-ewwel tarbija tagħha.
Il-koppja stqarret li kienet ċerta, li dak il-lejl, fil-belt ta’ imħabba kienu se jaraw l-aħħar lil xulxin. F’widnejn xulxin huma qalu dak li ħasbu li kien l-aħħar kliem u l-aħħar nifs ta’ ħajjithom: “Kollox jintemm hawn. Inħobbok.”
Minkejja d-dieqa u l-emozzjoni li wieħed iħoss, meta jaħseb dwar dan il-massakru, jispikka l-messaġġ ta’ tama u kuraġġ meta tisma’ stejjer bħal dawn. Iżda sfortunatament id-destin ma kellux ikun ta’ kulħadd l-istess.