Għadd ta’ qtates li jiġru barra fis-Swieqi għandhom bżonn l-għajnuna tal-pubbliku. Dan hekk kif l-għalqa li kienu jirrisjedu fiha se tkun qed tintuża u għalekk huma kellhom jevakwaw iż-żona u jfittxu post alternattiv.Fortunatament persuni li kienu jieħdu ħsieb lil dawn il-qtates ikollhom x’jieklu ħolqu kampanja ta’ għajnuna sabiex dawn il-qtates jinġabru mit-toroq, jiġu msewwija, jingħataw it-tilqim neċessarji biex sa fl-aħħar tinstabilhom familja li lesta tħobbhom u tipprovdilhom saqaf fuq rashom.
Iżda sfortunatament f’din l-għalqa kien hemm madwar 35 qattus, ammont li dawk li jieħdu ħsiebhom kien impossibbli għalihom biex isibu post fejn jiġbruhom u jżommuhom kollha. Kien għalekk li lura f’Jannar beda jinxtered messaġġ fuq Facebook biex kull min jixtieq jaddotta qattus, għandu jiftaħ daru għal dawn il-qtates u jaddotta mqar wieħed minnhom. Dan hekk kif ladarba jibdew jiġu addottati l-qtates li nġabru u ngħataw it-tilqim, dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu jistgħu jiġbru aktar qtates minn barra sabiex jingħataw il-kura neċessajra, jiġu msewwija u saħansitra tinstabilhom familja wkoll.
S’issa għad hemm madwar 20 qattus jistenna għal xi ħadd li hu responsabbli biżżejjed biex jieħu ħsiebu u jipprovdilu dak kollu li jkollu bżonn minflok jibqa’ jgħix l-aħħar snin ta’ ħajtu espost għall-elementi u b’ċans li jintlaqat minn xi karozza.
Kull min hu interessat li jaddotta qattus għandu jagħmel kuntatt ma’ Aquilina Cheryl.