F’artiklu fuq il-Maltatoday, il-ġurnalist t’esperjenza Saviour Balzan innota l-aġir tal-kumpanija tat-Times wara li d-Direttur Maniġerjali tagħha Michel Rizzo spiċċa fl-iżbarra akkużat bi frodi u ħasil ta’ flus.
Bit-titlu “The goose and the gander”, Saviour Balzan irreaġixxa għall-istqarrija tal-Allied Newspapers, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times.
Din qalet kif tinsab sorpriża li ttieħdet id-deċiżjoni li d-Direttur Maniġerjali tagħha u l-kumpanija Progress Press jitressqu l-Qorti mixlija b’akkużi kriminali.
Fuq il-Maltatoday, Saviour Balzan innota li t-Times qed tinsinwa li l-istat qed jorkestra kampanja kontriha.
Qal li din hija iebsa biex in-nies iniżżluha.
Balzan kiteb li jistenna ftit umiltà minn tat-Times u din għandha tirrikonoxxi li filwaqt li hi qed twaħħal fl-istat għax waqgħet bomba fuq l-għatba tagħha, l-istess kumpanija tat-Times għandha tirrikonoxxi l-kredenzjali t’integrità tal-Maġistrat Josette Demicoli, li ħadd qatt ma tefa’ dubji fuqhom, l-anzqas l-istess gazzetta The Times.
Dan b’referenza li Michel Rizzo u Claude Licari, eks uffiċjal finanzjarju ta’ Progress Press tressqu l-Qorti wara li ġiet konkluża inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Demicoli.
Intant Saviour Balzan kiteb li qabel l-2013, fi żmien Gvern Nazzjonalista, il-kumpanija Allied Newspapers ingħatat tlettax-il miljun ewro f’tax credit mingħand il-Malta Enterprise.
Saviour Balzan qal kif dak iż-żmien il-Malta Enterprise kienet immexxija minn Alan Camilleri eks Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Lawrence Gonzi.
Alan Camilleri huwa wkoll ħu Ivan Camilleri, l-eks ġurnalist tat-Times li ġie rappurtat li seraq oġġetti minn ħanut fin-Naxxar.
Saviour Balzan qal kif qatt ma jiftakar li xi organizazzjoni tal-midja ngħatat xi opportunità ta’ finanzjament mill-Malta Enterprise.
Saviour Balzan innota kif f’dan iż-żmien, il-gazzetti bdew inaqqsu mill-bejgħ tagħhom, filwaqt li Progress Press, li hija l-istamperija tat-Times kienet iddominat is-suq żgħir tal-gazzetti mingħajr ma għamlet qligħ.