Qamet kontrovesja sħiħa fuq The AM Show, meta l-preżentatur Mark Richardson staqsa lill-Mexxej tal-Oppozizzjoni u mexxej tal-Partit Laburista f’New Zealand, Jacinda Ardern, jekk hux beħsibha ikollha tfal.
Il-mexxej tal-Partit Laburista fi New Zealand qalet li huwa inaċċettabbli li fuq il-postijiet tax-xogħol in-nisa jiġu mistoqsija dwar il-pjanijiet tat-tqala tagħhom.
“M’għandix problema nwieġeb din il-mistoqsija għax kemm-il darba għamiltha ċara li lesta niddiskuti din id-dilemma għaliex naħseb li probabli ħafna nisa huma affaċjati biha”.
Il-preżentatur qal li l-poplu għandu kull dritt ikun jaf meta jgħażel Prim Ministru jekk dik il-persuna hux se tkun qed tieħu perjodu tal-maternita’.
Arden, urtata b’din il-mistoqsija qalet li in-nisa għandhom dritt iżommu il-pjanijiet tagħhom dwar jekk hux beħsibhom ikollhom it-tfal privati. Kompliet tgħid li huwa llegali li min jimpjega jiddiskrimina bejn impjegat potenzjali u ieħor fuq il-kriterju.
“Huwa inaċċettabbli fl-2017 li n-nisa ikollhom jirrispondu din il-mistoqsija fuq il-post tax-xogħol. Hija inaċċettabli”
“Hija d-deċiżjoni tan-nisa meta jgħażlu li jkollhom it-tfal u m’għandiex tkun determinanti fuq jekk jingħatawx xogħol jew opportunitajiet bħal dawn”
Jacinda Ardern ġiet eletta mexxej tal-Partit Laburista nhar it-Tlieta ‘l għadda wara r-riżenja ta’ Andrew Little u hija l-iżgħar persuna u t-tieni mara li qatt mexxiet il-Partit.