Kim, il-fekruna li għandha bejn tmien u għaxar snin ħadet sehem f’ċerimonja li fiha ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u n-Nature Trust.
Kim reġgħet marret lura fl-abitat naturali tagħha propju fiċ-Ċirkewwa Marine Park. Park li ġie kkonsolidat permezz ta’ din il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet li ser jara investiment ta’ tliet mitt elf ewro kull sena.
Il-President tan-Nature Trust Vincent Attard spjega kif l-għaqda issa ser tkun tista’ tagħmel moniteraġġ estensiv tas-sit filwaqt li mistennija toħroġ b’inizzjattiva ta’ bagi li jħarsu l-ambjent għad-dgħajjes li jsorġu fil-viċinanzi minflok iniżżlu l-ankra tagħhom.
Hu stqarr: “Dan hu Memorandum li bih ħa nibdew ħafna xogħol minn issa ‘l quddiem. Ħa jibdew surveys ta’ qiegħ il-baħar biex nagħmlu inventarju ta’ kulma hawn u x’azzjonijiet iridu jsiru biex inħarsu, inżidu anki forsi l-bijodiversità. Stakeholder consultation fejn ħa nitkellmu ma’ sajjieda, ma’ tad-dgħajjes, mal-kunsill lokali, mal-Gozo Channel biex insibu bilanċ għal attivitajiet li hawn anki mas-sajjieda wkoll u mal-għaddasa.”
Marine Parks għandhom l-għan li jsaħħu l-bijodiversità tas-sit. Fil-fatt, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo sostna li dan il-proġett mistenni jilħaq diversi niċeċ ta’ interess għat-turiżmu Malti.
Il-Ministru Bartolo sostna: “Din iż-żona taċ-Ċirkewwa nkattru l-bijodiversità u jiżdied ukoll il-ħut. Dan ovvjament ser ikun attrazzjoni għat-turist li jiġi f’pajjiżna biex jgħoddsu, id-diving li nafu li waħda min-niċeċ ta’ pajjiżna li fuqhom qed nibnu s-settur turistiku u wkoll jawgura tajjeb għas-sajjieda li b’mod sostenibbli kapaċi jistadu f’dawn l-akwati sabiex b’hekk inkomplu dejjem iżjed aħna jkollna ġawhra ta’ pajjiż bl-ibħra tant sbieħ tagħna.”