Il-ġuri fil-konfront ta’ Liam Debono, li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-eks uffiċjal tal-Pulizija Simon Schembri sitt snin ilu, issa jista’ jseħħ.
Dan wara deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti Kostituzzjonali, immexxija mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, li tefgħet ’il barra kawża li kien fetaħ Debono dwar allegat ksur tad-drittijiet tiegħu u li waqqfet il-proċess ġudizzjarju kontrih.
Debono jinsab mixli li, fil-15 ta’ Mejju tal-2018 fil-limiti ta’ Ħal Luqa, saq għal fuq l-uffiċjal tal-Pulizija tat-Traffiku u baqa’ jkaxkru għal medda twila ta’ triq, waqt li lanqas kellu l-età biex isuq vettura.
Dak iż-żmien, l-uffiċjal Simon Schembri kien sofra ġrieħi serji u kien fil-periklu li jitlef ħajtu, iżda eventwalment salva, anke jekk tilef id waħda.