Jekk int imlaqqam kompletament kontra l-COVID-19 u kellek kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv, mhux se jkollok bżonn toqgħod f’iżolament għal 14-il jum.
Dan hu parti minn pjan tentattiv tal-awtoritajiet tas-saħħa, biex persuni mlaqqma kompletament kontra l-virus ma jintalbux jagħmlu kwarantina ta’ aktar minn ħamest ijiem jekk f’dawk il-jiem jirċievu test negattiv. Dan il-pjan jgħid ukoll li anke wara dawn il-ħamest ijiem, il-persuna tkun trid tagħmel test ieħor kontra l-virus biex ikun żgurat li hija negattiva. Il-pjan xorta għadu jista’ jinbidel skont il-bżonn.
F’intervista mal-ġurnal Times of Malta l-Ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-pjan imbagħad jidħol fis-seħħ jekk in-numru ta’ każijiet pożittivi li jkollhom bżonn kura l-isptar jibqa’ baxx għall-ġimgħat li ġejjin. Qal ukoll li l-awtoritajiet mistennija jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni dwar dan il-pjan tentattiv lejn l-aħħar ta’ Lulju.
Il-Ġimgħa wkoll, il-Kamra tal-Kummerċ Maltija appellat biex jitnaqqsu r-regoli tal-iżolament u l-kwarantina għal persuni kompletament imlaqqma kontra l-Coronavirus.