Hekk kif kompla l-ewwel ġuri għal din is-sena, fil-Qorti ntqal kif jista’ jkun li l-għira kienet ir-raġuni għalfejn it-tfajla li llum għandha 16-il sena, qalet li kienet stuprata minn kuġinuha għal għaxar snin sħaħ. Fost argumenti oħra li qajjem l-avukat difensur, kien hemm dak li t-tfajla kellha ossessjoni fuq kuġinuha, u għalhekk, għamlet li għamlet.
Min-naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni qed issaħħaħ l-argumenti tagħha fuq il-konsistenza tat-tfajla, u l-fatt li ammettiet li kienet hi li f’okkażjoni minnhom għamlet avvanzi sesswali fuq kuġinuha. Dan tal-aħħar qiegħed kontinwament jiċħad l-akkużi ta’ stupru.
Minkejja dan, id-difiża rreferiet għal kummenti li għamlet it-tfajla fuq il-midja soċjali fuq ir-ritratti ta’ kuġinuha mas-sieħba tiegħu, fejn darba fost oħrajn saħansitra ddeskriviethom bħala ‘koppja perfetta’. Dan filwaqt li wriet dispjaċir għall-mod kif il-ġuvni kien trattat waqt l-interrogazzjoni, u semmiet persuni li kien ikun xieraq li jitilgħu jixhdu iżda qatt ma dehru, fosthom l-eks sieħeb tat-tfajla.
Id-difiża qalet ukoll li kien ikun xieraq li jsir eżami mediku fuq it-tfajla, li saħqet li minkejja li kienet f’relazzjoni, m’għamlitx l-affarijiet li għamlet ma’ kuġinuha mas-sieħeb tagħha. Dan anke minħabba l-fatt li persuna li kun abbużata għal diversi snin jitħallew marki ta’ abbuż fuqha li jitqiesu bħala provi ta’ dak li ġara.
Fil-Qorti ntqal ukoll li d-dar fejn it-tfaja qalet li seħħ l-abbuż kienet fejjem bieżla u mimlija bin-nies, tant li l-bibien qatt ma kienu jkunu msakkra, u kien ikun possibbli li wieħed jabbuża minn xi ħadd.