Jista’ jkun u mhux bilfors biex wieħed ma jallarmax ruħu imma huwa tajjeb li lilkom il-pubbliku titwasslilkom idea ċara tad-droga li hija l-iżjed popolari bħalissa fil-konsum tagħha. L-iskop hu wieħed ta’ ġid ħalli jekk taf b’xi ħadd li għaddej minn dan is-saram tgħinnu u mhux tħallieh jitkisser.
Dawn huma ftit punti li huma relatata mad-droga magħrufa bħala ‘crack’ bl-Ingliż jew kif inhi magħrufa f’pajjiżna; ‘il-Pipa’. Mhix il-pipa li jpejpu l-anzjani, xejn affattu. Huwa flixkun tal-plastik, x’aktarx tal-ilma jew anke ta’ xi minerali li jkun nofsu mimli bl-ilma. Tgħaraf li persuna qed tabbuża mid-droga permezz tal-pipa għax ikollu toqba lejn l-għonq u straw li tista’ titneħħa jekk ma tkunx qed tiġi użata fil-mument. Tinduna li dan qed jintuża għad-droga għax ikun imsewwed lejn in-naħa ta’ fuq u r-riħa li joħloq ma tantx tkun pjaċevoli. Fuq abbli tara ‘foil’ u rmied tas-sigaretti. Biex dak li jkun ma jħallix suspett, kapaċi jneħħi l-foil u l-irmied u jħalli l-flixkun bla tapp. Abbli tara wkoll lakstuwa li tintuża biex tissokka l-foil mal-għonq tal-flixkun.
Sorsi lil One News qalu wkoll li ħafna mill-persuni li jkunu qed jagħmlu użu minn dan il-flixkun, kapaċi jaħbuh wara t-toilet, fil-gwardarobbi, fil-garaxxijiet, fil-kmamar tal-bjut u anke f’xi cupboards. Il-bniedem jista’ juri suspett għax filli jkun persuna li tħobb toħroġ u filli tinġabar dejjem ġewwa bl-iskuża li qed tara xi film jew serje’ u tipprova ma tiġbidx attenzjoni fuqha. Popolari wkoll li nies li jużaw jitolbu spiss €50 għaliex il-pipa tiswa daqshekk.
Il-persuna kapaċi wkoll ikollha livell ta’ paranoia u tagħmel mossi b’għajnejha u turi li hi maħkuma minn biża’.
Ovvjament din l-informazzjoni kollha biex wiehed jaghmel kuragg, iqum u jibda t-triq tal-ħelsien minn dan id-dwejjaq. Tkellimna mal-Kap Ezekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti fejn wera tħassib li d-drogi sintetiċi fosthom il-pipa żdiedet. Ħeġġeġ li n-nies li għaddejjin minn dan l-inkwiet m’għandhomx jiddejqu jagħmlu kuntatt mad-detox jew iċ-ċentru tas-Sedqa f’Santa Venera fejn mingħajr ma jaraw il-professjoni jew l-uċuħ tal-persuni li jitolbu l-għajnuna, dawn jiġu assistiti fuq livell professjonali u kunfidenzjali. Ħafna jibżgħu jagħmlu l-pass minħabba l-biza’ li tidħol il-pulizija. Huwa fatt li l-pulizija primarjament tgħin mhux takkuża. Pero’ f’każi simili, dak li jingħad jibqa’ kollox fuq livell ta’ privatezza. L-iskop hu li tqum u tagħmel il-pass. Caritas, l-Oasi, Sedqa, Appoġġ, ħbieb li tista’ tafda, familjari jew counsellours jistgħu jgħinuk. Jeżisti wkoll l-NA (Narcotics Anonymous) li huma laqgħat professjonali fejn l-addict imur u jiftaħ qalbu u dak li jingħad jibqa’ bejn l-erba’ ħitan tal-post. Dawn isiru kuljum fil-Millenium Chapel u huma miftuħa ghal kulħadd basta dak li jingħad hemm ġew jibqa’ hemm ġew. Tista’ ssib aktar dettalji dwar dawn il-laqgħat fuq: http://millenniumchapel.org/ Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq in-numru 179.