Issa jista’ jintuża PIN code mibgħut mill-awtoritajiet tas-saħħa, minflok in-numru ta’ wara tad-dokument tal-karta tal-identità biex ikun jista’ jitniżżel iċ-ċertifikat tal-vaċċin għal dawk kollha li għandhom bejn it-12 u 15-il sena.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa ġie spjegat li l-ġenituri jew dawk li jieħdu ħsieb it-tfal se jirċievu SMS li jgħidilhom li biex jiġġeneraw il-code, iridu jidħlu fuq https://healthtoken.gov.mt.
Individwi jistgħu wkoll jaċċessaw il-login billi jidħlu fuq http://certifikatvaccin.gov.mt u jdaħħlu din l-informazzjoni:
- In-numru tal-karta tal-identità tat-tfal u/jew in-numru tal-isptar
- Id-data tat-twelid
- Numru tal-mobile
- Email address
Xħin tintbagħat il-formola, b’mod awtomatiku se jintbagħat code fuq in-numru tal-mobile provdut. Dan il-code se jkun jista’ jintuża minflok in-numru tad-dokument.
Din il-proċedura tista’ tintuża wkoll minn barranin li jgħixu f’Malta u li għandhom numru tal-isptar.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel 145.