‘LifeMedGreenRoof’, proġett li l-iskop tiegħu hu li joħloq ‘baseline study’ dwar it-teknoloġija ta’ bjut ħodor, proġett li huwa l-ewwel wieħed fl-Università ta’ Malta.
Fix-xhur li għaddew, il-Gvern nieda proċess li permezz tiegħu għandhom jiġu stabbiliti numru ta’ kriterji li bihom jinbnew bjut ħodor, li joffru ambjent mill-isbaħ ta’ pjanti fuq il-bjut u fl-istess ħin jgħinu biex titnaqqas is-sħana fil-bini.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi żar dan il-proġett fejn intlaqa’ mid-Dekan tal-Fakulta, il-Professur Alex Torpiano, kif ukoll mill-project manager tal-proġett, Antoine Gatt, u l-perit Vince Morris.
Il-Ministru Joe Mizzi esprima l-interess tiegħu f’dan il-proġett, li huwa miftuħ għall-pubbliku u qal li din l-inizjattiva għandha tgħin biex proġetti bħal dawn isiru wkoll fuq binjiet tal-Gvern u anke f’binjiet privati. Huwa qal li dawn il-proġetti huma tajbin mhux biss minħabba li joffru ambjent attraenti iżda wkoll minħabba l-benefiċċji li jipprovdu. Huwa ssuġerixxa lill-Fakulta tal-Ambjent Mibni biex tibda tkattar dan l-għarfien anke fost l-iskejjel u qal li l-Gvern lest li jgħin f’xi għajnuniet li jkollha bżonn il-Fakulta biex dan il-proġett ikompli jifjorixxi u jagħmel suċċess.