Dak li ħoloq id-ditta Spanjola tal-ħwejjeġ Zara issupera lil Bill Gates biex sar l-aktar raġel sinjur fid-dinja.
Amancio Ortega għandu kemxa li taqbez il-$79.5 biljun, filwaqt li Gates huwa ftit aktar fqir minnu, b’$78.5 biljun.
Ortega, li għandu 80 sena, diġa’ kien l-aktar raġel sinjur fl-Ewropa, iżda issa sar l-aktar wieħed li għandu flus madwar id-dinja kollha. Bintu Marta (li tidher fir-ritratt) mistennija tkun dik li se tmexxi n-negozju warajh, liema negozju għandu ditti li żgur ħafna hawn Malta jafuhom: Pull&Bear u Massimo Dutti fost oħrajn.
L-iżgħar minn erbat’itfal, Amancio Ortega telaq mill-iskola meta kellu biss 14-il sena, biex jgħin lil missieru li kien jaħdem fuq il-linji tal-ferroviji. Ftit wara sab xogħol jagħmel il-qomos b’idejh. Fl-1972 fetah ditta li kienet tagħmel ħwejjeġ intimi bħal bathrobes ta’ kwalità bl-idejn, u beda jħaddem nisa minn parti fqira ta’ A Coruña.
Fl-1975 fetaħ l-ewwel ħanut Zara flimkien ma’ martu – kellu jsemmih hekk għaliex l-ewwel preferenza tiegħu: “Zorba” kien diġa’ meħud.
Minn hemm, kienet storja ta’ suċċess wara l-oħra, biex illum jinsab fil-quċċata tal-lista tal-aktar bniedem sinjur.