Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, li se ssir nhar il-Ħadd li ġej u li se tixxandar fuq ONE.
Fi sfond brijuż tipiku ta’ dawn iż-żminijiet tal-Festi, din il-maratona se toffri ħdax-il siegħa ta’ attivitajiet, li fihom se jieħdu sehem ukoll id-deputati Laburisti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, tkellem ma’ ONE News waqt dawn il-preparazzjonijiet u sostna li din is-serata mhix waħda li wieħed għandu jitlef.
“Nhar il-Ħadd il-familji Maltin u Għawdxin għandhom appuntament biex jiġu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun. Mhux iċemplu, imma jiġu hawnhekk jiltaqgħu magħna, jiltaqgħu mad-deputati, jaraw il-logħob li se jkun għaddej mid-deputati stess – imma wkoll barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se jkollna armat tal-Milied, se jkollna stands differenti. It-tfal jistgħu jiġu joqogħdu jilagħbu wkoll, jiġifieri se jkun appuntament li se nippruvaw nagħmlu xi ħaġa għall-familja kollha.”
Randolph Debattista għamel l-appell tiegħu biex kulħadd ikun ġeneruż mal-Partit Laburista, li l-flus li jiġu investiti fih jinvestihom lura fin-nies.
“L-appell huwa biex in-nies jgħinu lill-Partit Laburista sabiex nibqgħu l-akbar forza politika f’pajjiżna. Fl-aħħar snin għollejna l-livell ta’ kif issir il-politika, anke kif inwasslu l-messaġġ, u biex nagħmlu hekk għandna bżonn l-għajnuna tan-nies. In-nies dejjem kienu ġenerużi mal-Partit Laburista u dejjem raw li l-flus li investew fil-Partit, il-Partit reġa’ nvestihom lura b’mod għaqli, imma investihom fin-nies.”