Fi Brussell qed tkompli tisħon il-qiegħa b’rabta mal-manuvri b’xamma qawwija ta’ nepotiżmu biex il-Kap tal-Uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, it-Taljan Alessandro Chioccetti, jiġi installat bis-sewwa jew bid-dnewwa fl-ogħla kariga amministrattiva tal-Parlament: dik ta’ Segretarju Ġenerali.
Minkejja l-kontroversja u l-kritika, saħansitra minn uffiċali tal-Parlament Ewropew stess, ġie rrappurtat li l-Parlament beda jiċċirkula internament avviż dwar il-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali, li bosta qed jobsru li l-kandidat li se jeħodha ntgħażel diġà.
Il-ġurnal awtorevoli POLITICO issa ilu l-jiem jirrapporta dwar kif il-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, u l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, qed jimbuttaw biex il-Kap tal-uffiċċju ta’ Metsola jsir is-Segretarju Ġenerali l-ġdid meta din il-kariga titbattal fi tmiem din is-sena.
Il-ġurnal josserva li Chiocchetti kien l-assistent ta’ Marcello Dell’Utri, li kien politiku Taljan u l-id il-leminija ta’ Silvio Berlusconi u li nstab ħati u ntbagħat seba’ snin ħabs minħabba rabtiet mal-mafja ta’ Sqallija.
Il-Kap tal-Uffiċċju ta’ Metsola huwa wkoll alleat tas-Segretarju Ġenerali attwali tal-Parlament Ewropew, Klaus Welle, u tal-eks President tal-Parlament, it-Taljan Antonio Tajani.
Ilbieraħ il-ġurnal POLITICO rrapporta dwar kif, minn wara l-kwinti, il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew qed iħokk dahar il-grupp parlamentari Renew u l-grupp tax-Xellug billi joħoloq direttorat ġenerali ġdid fil-Parlament Ewropew u jagħtihulhom biex imexxuh – direttorat ġenerali li għadu mhux magħruf jew mifhum x’inhi l-utilità tiegħu.
B’hekk, dawn jagħlqu għajnejhom u ħalqhom u jippermettu li tgħaddi tal-Partit Popolari Ewropew u l-Kap tal-Uffiċċju ta’ Roberta Metsola jsir Segretarju Ġenerali. Tant qed isiru bil-għaġġla l-affarijiet, li dan id-Direttorat Ġenerali li għadu kif twieled diġà ħareġ jirriklama pożizzjoni b’salarju ta’ madwar €20,000 fix-xahar.
Illum, il-ġurnal POLITICO rrimarka li l-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew u ż-żewġ gruppi li magħhom sar dan il-ftehim minn wara l-kwinti xejn mhu jimpurtahom mill-kritika li qed issirilhom u mill-apparenza ta’ nepotiżmu f’dak li qed jiftiehmu bejniethom.
Il-POLITICO qal li, mhux talli ma ddejqux mill-kritika, talli fil-Parlament Ewropew diġà beda jiġi ċċirkulat internament avviż dwar il-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali.
Il-ġurnal irrimarka li l-Kap tal-Uffiċċju ta’ Roberta Metsola, Chioccetti, ma kienx jikkwalifika għal dan l-irwol fis-snin li għaddew imma issa se jkun jista’ japplika, għax il-kriterji tbaxxew eżatt għall-iskala li ngħata promozzjoni għaliha ftit ġimgħat biss ilu.
Id-data sa meta wieħed jista’ japplika għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali ġdid tal-Parlament Ewropew hija l-1 ta’ Awwissu, jiġifieri fadal inqas minn xahar. Il-ġurnal jirrmimarka li, meta wieħed qis li dan huwa l-perjodu tas-sajf, meta fi Brussell kważi kollox jieqaf, din hija skeda ambizzuża ferm – naturalment dment li mhux diġà ntgħażel il-kandidat rebbieħ.
Il-POLITICO jwissi li, b’dawn il-ftehimiet suspettużi wara bibien magħluqa u bil-kwitjonijiet marbutin mal-ħatra kontroversjali tas-Segerarju Ġenerali u l-ħolqien tad-Direttorat Ġenerali l-ġdid, il-Parlament Ewropew qed jagħti lill-kritiċi tiegħu munizzjoni bla qies biex jattakkawh bih.
Tal-istess fehma huma osservaturi fix-xena politika Ewropea li tkellmu ma’ ONE NEWS, u li rrimarkaw li dawn il-manuvri xejn mhuma qed jinżlu tajjeb ma’ politiċi minn Stati membri tal-Unjoni Ewropea li f’pajjizhom qed ikollhom jieħdu miżuri ebsin minhabba ż-żieda qawwija fl-inflazzjoni fl-Ewropa.
Dawn il-politiċi qed jilmentaw fil-kurituri ta’ Brussell dwar kif il-Parlament Ewropew, immexxi minn Roberta Metsola, qed jagħmel dawn il-manuvri biex jigu agevolati nies viċin tagħha u tal-Partit Popolari Ewropew b’salarji li jlaħħqu l-għexieren ta’ eluf ta’ ewro.
Dawn l-osservaturi mhumiex jeskludu li Metsola qed tfittex li tpoġġi nies tagħha f’pożizzjonijiet influwenti fi ħdan il-Parlament Ewropew biex ittejjeb iċ-ċansijiet tagħha għal karigi oħrajn fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea meta, fi żmien sentejn, jiskadilha t-terminu ta’ President tal-Parlament.