Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali baqa’ impenjat li jagħti l-għodod neċessarji għal dawk l-organizzazzjonijiet illi jwettqu ġid fil-komunità, speċjalment ma’ dawk l-iktar vulnerabbli.
Fil-fatt, l-aħħar ftehim soċjali ssiġilat kien mal-Fondazzjoni Oasi, illi tgħin u tassisti persuni bi problemi ta’ vizzji, f’Għawdex.
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali se jiffinanzja parti mill-operat ta’ din il-Fondazzjoni bis-somma ta’ €1,656,000 fuq perjodu ta’ tliet snin.
Dan il-finanzjament se jkopri t-terapija residenzjali u rijabilitazzjoni ta’ dawn il-persuni, t’għarfien soċjali u prevenzjoni, kif ukoll servizz ta’ kura fil-komunità.
B’hekk dan il-ftehim se jkun qed jibni fuq dak preċedenti, bil-għan li persuni vittmi tal-vizzji jingħataw ċans u għajnuna professjonali biex jibdlu r-rotta ta’ ħajjithom.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan il-Ministeru se jkompli jassisti aktar NGOs u għaqdiet volontarji, anke fiż-żmien diffiċli ta’ bħalissa.
Il-Ministru Falzon fakkar li din is-sena hemm allokati aktar minn €17-il miljun biex ikun żgurat li dawn l-għaqdiet ikollhom biżżejjed fondi biex ikomplu jagħtu l-aqwa servizz possibbli.