Il-proċeduri fil-konfront tat-Tabib Silvio Grixti u erba’ persuni oħra – Roger Agius ta’ 45 sena minn Ħal Luqa, Emmanuel Spagnol ta’ 69 sena miż-Żejtun, Dustin Caruana ta’ 36 sena minn Ħal Tarxien u Luke Saliba ta’ 33 sena mill-Imsida – mixlija bi frodi ta’ benefiċċji soċjali ssoktaw dalgħodu.
Il-każ issa qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello wara li, fil-21 ta’ Marzu li għadda, il-Maġistrat Leonard Caruana astjena minnu.
Il-ħamsa li huma qed jiġu mixlija bi frodi ta’ benefiċċji soċjali fl-istess każ, li dwaru, diġà tressqu persuni oħrajn u anke saret inkjesta li għamlet ir-rakkomandazzjonijiet u li ġiet ippubblikata x-xahar li għadda.
Fil-Qorti l-akkużati lkoll wieġbu mhux ħatja għall-akkużi.
Waqt li l-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tordna l-iffriżar tal-assi tagħhom, il-Qorti talbet li jiġu identifikati l-assi relatati mal-każ biex, fil-każ ta’ ħtija, jiġu ssekwestrati.
Dan skont proċeduri ġodda li ddaħħlu riċentament bl-aħħar tibdil fil-liġi.
F’Marzu li għadda, Grixti kien qal mal-midja li hu qatt ma tqabbad mill-eżekuttiv tal-Partit Laburista biex iwettaq dak li allegatament għamel, marbut ma’ ħruġ ta’ ċertifikati foloz biex persuni jibbenefikaw minn dak li ma kinux intitolati għalih.
F’każi relatati, kien hemm numru ta’ persuni li diġà nstabu ħatja u qed jirrifondu l-flus li ħadu wara li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien minnufih irrapporta lill-Pulizija mal-ewwel suspetti fl-2021 u sussegwentament il-Ministeru għall-Politika Soċjali kkopera bi sħiħ mal-investigaturi biex jiġi mixtarr kull każ li jmorru lura sa disa’ snin ilu.