Infrastructure Malta qed tqiegħed il-wiċċ tal-karreġġjata ġdida fid-direzzjoni tan-nofsinhar fi Triq Aldo Moro, sabiex tkun tista’ tinfetaħ għall-pubbliku fi tmiem din il-ġimgħa.
Din il-karreġġjata b’erba’korsiji, fid-direzzjoni mill-Belt u l-Marsa lejn Raħal Ġdid, inbniet ix-xahar li għadda bħala parti mit-tieni fażi tal-Marsa Junction Project. Ix-xogħol ta’ asfaltar finali kien oriġinarjament ippjanat għall-ġimgħa li għaddiet, iżda kellu jiġi pospost minħabba l-maltemp.
L-ewwel saff ta’ asfalt beda jitqiegħed fis-sagħtejn ta’ dalgħodu filwaqt li t-tieni u t-tielet saff ser isiru bil-lejl għada u l-Ħamis filgħaxija. It-tliet korsiji li bħalissa qed jintużaw għall-ivvjaġġar fid-direzzjoni tan-nofsinhar ser jingħalqu kompletament fl-għaxra ta’ filgħaxija għada (u fid-disgħa ta’ filgħaxija pitgħada. Fiż-żewġt iljieli, it-tliet korsiji jerġgħu jinfetħu sal-ħamsa tal-għada filgħodu sabiex jonqsu d-diffikultajiet għall-eluf ta’ persuni li jużaw din it-triq matul il-jum.
Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw f’din ir-rotta bil-lejl għada jew il-Ħamis ser jiġu ggwidati jgħaddu minn rotta alternattiva minn Triq Troubridge u Triq ix-Xwieni, f’Albert Town, il-Marsa. Il-parkeġġ mal-ġnub ta’ dawn iż-żewġ toroq bil-lejl ser ikun projbit sabiex ikun hemm inqas xkiel fir-rotta alternattiva. Pulizija u uffiċċjali ta’ Transport Malta sre ikunu fl-inħawi sabiex jgħinu lil dawk li jiltaqgħu ma’ xi diffikultà.
Il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Aldo Moro bdiet tinbena x-xahar li għadda. Il-karreġġjata ġdida tat-tramuntana, li fiha sitt korsiji, bankina u korsija għar-roti, inbniet matul is-sajf. Bħalissa, sakemm titlesta l-karreġġjata tan-nofsinhar, il-karreġġjata tat-tramuntana qed tintuża bħala korsiji temporanji fiż-żewġ direzzjonijiet.
Il-karreġġjati l-ġodda f’dan il-proġett qed jinbnew b’saffi ta’ materjal apposta, geotextile u geogrid, sabiex jissaħħu l-pedamenti u jservu aktar snin billi jonqsu l-ħsarat ikkawżati mill-ilma tax-xita li jinfiltra taħt il-livell tat-triq. Is-sistemi tat-tqassim tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni li kien hemm taħt il-livell tat-triq ġew mibdula u msaħħa biex jilqgħu għall-ħtiġijiet tal-futur qabel tqiegħdu l-pedamenti ġodda tat-triq.
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ta’ €70 miljun, li kienet tinkludi t-twaqqigħ ta’ żewġ fabbriki antiki sabiex minflokhom jinbnew il-pontijiet u t-toroq ġodda, tlestiet aktar kmieni din is-sena. II-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Gvern Lokali, Triq Ġużè Gatt (it-tarf ta’ Triq il-Gvern Lokali) u t-twessigħ ta’ Triq Aldo Moro għal għaxar korsiji kienu parti mit-tieni fażi tal-proġett, li bdiet fi Frar li għadda u ser tintemm dan ix-xahar. Infrastructure Malta ser tniedi t-tielet fażi, li tinkludi l-bini tas-seba’ pontijiet, qabel tmiem is-sena.
Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’ seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura oħra sabiex ittejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ l-aktar ħolqa li minnha jivvjaġġaw persuni fis-sistema tat-toroq Maltin. Il-proġett ser inaqqas b’mod drastiku l-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-arja kkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku billi jneħħi s-sistema preżenti ta’ traffic lights li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u minflokha jinbnew 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jwassluk b’mod dirett f’kull waħda mid-direzzjonijiet differenti li jingħaqdu flimkien f’dawn l-inħawi.
Il-Marsa Junction Project huwa konfinanzjat mill-Fa ċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.