L-Enemalta kompliet issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fis-Siġġiewi u lokalitajiet oħrajn. Stqarrija mill-istess kumpanija spjegat kif għaddej xogħol fuq it-tqegħid ta’ cables ta’ 11 kilovolt taħt l-art.
B’hekk il-kumpanija qed tkompli żżid aktar konnessjonijiet alternattivi biex, f’każ ta’ diffikultajiet, il-provvista tal-elettriku tkun tista’ tingħata lura fl-inqas ħin possibbli. Fis-Siġġiewi wkoll għaddej xogħol bi tħejjija għal ċentru ġdid tad-distribuzzjoni.
Dan ix-xogħol hu parti mill-pjan ta’ investiment fit-tul, li beda s-sena li għaddiet u li ġie aċċellerat f’Lulju li għadda, b’investiment ta’ €160 miljun.
Il-pjan jinkludi t-tisħiħ taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni u substations ġodda, u t-tiġdid tal-infrastruttura eżistenti. Ingħad li, fost l-oħrajn, f’Baħar iċ-Ċagħaq u l-Ħamrun, il-kumpanija qed tinstalla diversi feeders addizzjonali. Dan minbarra li din is-sena l-Enemalta qed iżżid madwar 40 substation ġdida u qed jiġi finaliazzat il-pjan għal ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni fin-Naxxar.