Il-Main Guard fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt.
Minn meta nbena fl-elf sitt mija u tlieta sal-bidu tas-sebgħinijiet serva bħala għassa għall-Palazz Maġisterjali faċċata tiegħu. Wara serva bħala l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
Fix-xhur li għaddew Heritage Malta bdiet proċess ta’ restawr.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-post ġie spjegat kif meta jitlestew ix-xogħlijiet fis-sular ta’ isfel ser jinfetaħ ċentru ta’ interpretazzjoni dwar il-Belt, u fis-sular ta’ fuq, il-pubbliku se jkun jista’ jara diversi karikaturi li saru minn suldati Ingliżi.
Mal-ħitan ta’ dan is-sular, li kien iservi bħala l-mess għas-suldati stazzjonati f’Malta, hemm mat-300 tpinġija li jinkludu karikaturi, satira u emblemi militari.
Il-konservatur anzjan ta’ Heritage Malta Twanny Spagnol spjega li t-t-tpinġijiet huma distintivi u jeħtieġu trattament iffukat. Bl-isfida tkun kif it-tpinġijiet se jerġgħu jiġu fl-istat oriġinali tagħhom wara snin ta’ alterazzjonijiet.
Il-Ministru Herrera stqarr li r-restawr tal-Main Guard ser iwassal għal sit ieħor fejn il-patrimonju Malti jkun apprezzat wara snin twal li matulhom il-binja ma kinitx aċċessibbli.
Il-Ministru qal, “Hawnhekk se jkollna esperjenza unika li se tkun ħolqa oħra fl-esperjenzi li wieħed jista’ jkollu fil-Belt Valletta fejn se jiġi hawnhekk u se jkollok it-teknoloġija tal-holograph fejn dawn il-kważi mitejn pittura se jiġu mmostrati permezz ta’ holograph jiġifieri esperjenza unika, b’kummentarju uniku ta’ dak il-perjodu partikolari.”
Id-direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Mario Cutajar qal li r-restawr tal-Main Guard jifforma parti minn viżjoni ħolistika li Heritage Malta għandha għall-Belt Valletta.
“Mal-bqija tal-mużewijiet li hemm illum se jagħtu esperjenza mhux biss lill-Maltin imma lil dawk il-barranin li jżuru dawn il-gżejjer.” Temm jgħid Cutajar.