Bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett tax-shore-to-ship fil-Port Ħieles b’investiment ta’ €12-il miljun ewro, li filwaqt li se jkompli jara lil dan il-port kummerċjali importanti għall-pajjiżna jibqa’ jaħdem bl-aħjar mod possibbli, se jkun qed jgħin biex jitħares aktar l-ambjent u jitnaqqas l-inkonvenjent għan-nies tal-madwar.
Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri waqt li żar x-xogħlijiet infrastrutturali li bdew isiru, relatati ma’ dan il-proġett.
Fil-fatt beda x-xogħol ta’ tħaffir ta’ gandotti u qed jitpoġġew il-kanen li minnhom ser jgħaddu l-cables li ser jissuplixxu l-kurrent tad-dawl lill-vapuri.
Dan il-proġett, iffinanzjat minn fondi Ewropej u mistenni li jitlesta sa nofs l-2025 se jara ż-żewġ terminals, kemm South Quay ta’ Terminal 1 u South Quay ta’ Terminal 2, ikunu attrezzati biex il-vapuri jitfu l-magni u jaqbdu mas-sistema tal-grid elettriku.
Dan ifisser li filwaqt li se jkun hemm aktar arja nadifa, se jkun hemm inqas inkonvenjent għar-residenti tal-madwar.
“Għaddej ix-xogħol ġmielu bħalissa bi progress tajjeb ħafna sabiex eventwalment kif jitlesta dan il-proġett ikollna vapuri li jirmonkaw hawnhekk ġewwa l-Freeport, jkunu jistgħu jqabdu ma’ din is-s-sistema elettrika u għalhekk jitfu l-magni tagħhom u dan iġib numri ta’ benefiċċji.”
Il-Ministru fakkar ukoll fil-proġett tal-isquaring off tal-Freeport.
Investiment ta’ madwar €104 miljun, li huwa l-ewwel espansjoni tal-Freeport f’20 sena u se jestendi l-moll tat-Tramuntana f’Terminal Two b’176 metru u dak tal-Punent b’195 metru għal total ta’ 30,000 metru kwadru ta’ art ġdida, biex b’hekk jiżgura li l-faċilità tkun tajba għal vapuri ġodda li jaħdmu b’LNG u l-Freeport ikun jista’ jorbot dawn il-vapuri aktar ’il barra miż-żona residenzjali, dan filwaqt li tneħħiet kull possibbiltà li jitpoġġew krejnijiet fuq West Quay Terminal 1 li huwa l-aktar moll viċin ir-residenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tal-Freeport David Magro qal li l-proġett tal-OPS hawnhekk telaq ukoll, u miexi b’ritmu tajjeb u se jġib miegħu benefiċċji kbar.
“Dan se jkun ta’ benefiċċju għar-residenti ta’ Birżebbuġa fejn se jiffrankaw id-dħaħen li ovjament huwa magħruf bħala silent killer u jonqsu ħafna drastikament il-ħsejjes ġġenerati mill-generators tal-vapuri.”